Il-Moviment Graffitti oġġezzjona formalment mal-Awtorità tal-Ippjanar għal applikazzjoni li trid tbiddel uffiċjalment ‘razzett tan-nagħaġ’ fil-Bidnija f’Lukanda u qed jistieden lill-pubbliku biex jagħmel l-istess.
Il-pubbliku jista’ jissottometti l-oġġezzjoni tiegħu mal-PA billi jibgħat email fuq [email protected], jew billi jagħfas din il-ħolqa, sal-4 ta’ Novembru. Tista’ tara l-oġġezzjoni tal-Moviment Graffitti hawnhekk.
Oriġinarjament, l-applikazzjoni ppreżentata fl-2018 kienet għall-bini ta’ razzett tan-nagħaġ li iżda wassler għall-bini ta’ struttura massiva ta’ żewġ sulari, mgħammra b’pixxina u reception area. Dan kollu fuq art ODZ.
“Minn dejjem kien ċar kristall li dan il-bini ma kienx maħsub għall-użu ddikjarat tiegħu u li ġie approvat permezz ta’ sensiela ta’ qerq, gideb u prattika ħażina. L-aktar applikazzjoni riċenti mressqa mill-perit u negozjant is-Sur Konrad Bezzina trid tibdel it-tqassim u l-użu tar-razzett falz biex dan isir uffiċjalment ħanut b’guest rooms,” kompliet l-istqarrija.
Fl-oġġezzjoni tiegħu, il-Moviment Graffitti mhux biss enfasizza n-numru kbir ta’ politiki tal-ppjanar miksura b’din l-applikazzjoni u l-ħsara li se tikkawża lill-Wied tal-Ħżejjen, huwa ekoloġikament sensittiv, iżda appella wkoll biex din l-istruttura titwaqqa’ minnufih u biex is-sit jiġi rritornat għall-istat naturali tiegħu għas-spejjeż tal-iżviluppatur.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Moviment Graffitti sejjaħ għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni għal reati ambjentali mwettqa minn dawk kollha involuti fil-ħruġ tal-ewwel permess.
“Matul dawn l-aħħar tliet snin, in-nies kienu diżgustati jaraw struttura massiva tiela’ f’nofs wied mhux mittiefes; simbolu tal-falliment assolut tas-sistema tal-ippjanar tagħna. Issa, il-pubbliku għandu l-opportunità li jibgħat id-diżgust tiegħu, direttament u formalment, lill-PA billi joġġezzjona għal din l-applikazzjoni l-ġdida,” temmet tgħis l-istqarrija.
Ritratt: Ritratt ta' The Times of Malta meħud minn Chris Sant Fournier