Il-regoli tal-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi (PSC) jgħidu li meta uffiċjal jiġi investigat mill-Pulizija, din tfisser sospensjoni awtomatika. Madankollu, kelliem għall-Ministeru għall-Intern saħaq li din ir-regola ma tapplikax għad-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin Robert Brincau, għax huwa meqjus bħala impjegat pubbliku u mhux uffiċjal pubbliku.
Fil-fatt, dan il-Ministeru saħaq li Brincau mhux impjegat direttament mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u għaldaqstant dawn ir-regoli ma japplikawx għalih. Din l-informazjoni ġiet ippubblikata mit-Times of Malta. Kelliem għall-Ministeru qal lil TOM li d-deċiżjoni li ma jiġix sospiż Brincau ittieħdet fl-aħjar interess tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi.
Tajjeb li nfakkru li Robert Brincau ttella' l-Qorti akkużat illi kkawża ġrieħi, hedded raġel b'arma, insulentah u heddu waqt li kellu fil-pussess tiegħu arma li ma kinitx liċenzjata, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.
B'reazzjoni għall-allegazzjonijiet tad-Direttur tal-Ħabs, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri saħaq li d-deċiżjoni fuq Brincau, jekk għandux jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu "tittieħed - jekk ikun hemm bżonn - biss wara li jintemmu l-proċeduri fil-Qorti."