Is-saga tal-mina: ‘Għandna naqtgħulha rasha darba għal dejjem’
Frisk mir-rebħa tal-Ħondoq is-Sindku Paul Buttigieg jgħid mal-ILLUM li l-mina għandna naqtgħulha rasha darba għal dejjem...
minn Anthea Cachia
Fid-dawl ta’ rapporti u anke konferma mill-Prim Ministru li l-proġett tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer intefa’ “fil-friża” is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg frisk minn rebħa fuq il-proġett tal-Ħondoq sostna li l-pjanijiet tal-mina għandhom jitwaqqfu. “Le l-mina għandna naqtawlha rasha darba għal dejjem” hekk qal Buttigieg mal-gazzetta ILLUM.
Bħala sindku Għawdxi, l-ILLUM staqsiet lill-Buttigieg dwar il-pjanijiet tal-mina. Preċiżament dwar jekk għandiex tibqa’ fuq l-ixkaffa - kif kienet fl-aħħar 50 sena- jew jekk għandhomx jaqtawlha rasha darba għal dejjem.
Nhar it-23 ta’ Ottubru l-gazzetta Maltatoday ikkowtat sorsi li kkonfermaw li l-pjanijiet tal-mina li tgħaqqad lil Malta u Għawdex waqfu temporanjament. Sussegwentament dan ġie ikkonfermat mill-Prim Ministru Robert Abela innifsu meta mistoqsi mill-ILLUM. Abela qal li fiċ-ċirkostanzi, il-mina mhux priorità minkejja li xorta waħda għaddejjin l-istudji fuqha.
Fil-fatt il-MaltaToday ikkowtat lis-sors tagħha jgħid illi, “apparti l-kumitat appuntat biex jara l-istudji u t-tenders ta’ dan il-proġett, ma hemm l-ebda impenn biex issir il-mina. Il-Covid-19 u l-gwerra tal-Ukrajna kompliet twassal biex dan il-proġett jintefa’ taħt it-tapit.”
Il-mina proposta tkun twila 14-il kilometru, wiesgħa 500 metru biex takkomoda żewġ karreġġjati b’direzzjonijiet alternattivi u kareġġjata oħra għall-emerġenza. Kien maħsub li dawn iż-żewġ karreġġjati jaraw mas-6,500 karozza kuljum.
On Again, Off Again. Ħafna studji… l-ebda mina
L-istorja tal-mina toħodna lura għall-bidu tas-snin 70. L-amministrazzjoni ta’ Dom Mintoff ikkummissjonat tim ta’ Inġiniera mill-Ġappun biex dan jistudja jekk hux vijabbli konnessjoni bejn Malta u Għawdex, mingħajr ma jkun soġġett għall-effetti qliel tat-temp. Madankollu dan l-istudju wasal għal konklużjoni li l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer ma kinitx vijabbli.
Intant 10 snin ilu sar studju ieħor biex, għal darboħra, jara jekk il-konnettività hijiex vijabbli. Il-Ministru għat-Trasport ta’ dak iż-żmien, Austin Gatt, kien qal li l-istudju preliminari wera li dan il-proġett seta’ jsir u kien stmat li kien se jiġi jiswa bejn €156 miljun u biljun ewro. Minkejja dan xorta kien għad hemm dubju fuq l-effetti ta’ din il-mina, l-istruttura tagħha u jekk hux sikur li ssir, meta wieħed iqis il-ġeoloġija ta’ Għawdex. Kien għalhekk li skatta studju ieħor biex jezamina l-ġeoloġija ta’għawdex u l-impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku ta’ proġett ta’ dan id-daqs.
Ftit snin wara, taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat l-idea tal-mina reġgħet tqajjmet mill-ġdid, din id-darba b’determinazzjoni kbira mill-Gvern Laburista. Tant hu hekk li Muscat ta l-kelma tiegħu li din il-mina kellha titlesta sal-2024.
Fl-2015 il-gazzetta ILLUM, fuq il-faċċata, tagħha kienet żvelat kif kumpanija Norveġiża esprimiet interess kbir f’dan il-proġett. Fil-fatt membri tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u uffiċjali ta’ Transport Malta marru Trondheim fin-Norveġja fejn żaru diversi sistemi ta’ mini, sew taħt il-belt kif ukoll taħt il-baħar.
Il-gazzetta ILLUM kienet irraportat ukoll kif il-Ministru għall-Għawdex, dak iż-żmien Anton Refalo, kien stqarr li d-deċiżjoni dwar jekk għandiex issir mina jew le għandha tittieħed permezz ta’ referendum f’Għawdex. Dakinhar Refalo qal li l-vuċi Għawdxija “irid ikollha aktar saħħa.”
Fl-2016, Chris Said għamel talba simili u filwaqt li qal li l-PN huwa favur dak kollu li jżid il-konnettività bejn Malta u Għawdex qal ukoll li dan għandu jiġi deċiż f’referendum f’Għawdex. L-istess qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ftit xhur ilu, waqt il-kampanja elettorali meta wiegħed li PN fil-Gvern, apparti li jsir studju fuq l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali, ikunu l-Għawdxin li jagħżlu jekk issirx mina jew le.
Sadanittant mill-2015 ‘il quddiem, komplew id-diskussjonijiet u l-istudji iżda l-mina baqgħet fuq l-ixkaffa. Dan minkejja l-interess ta’ diversi investituri barranin ġejjin minn kull kantuniera tad-dinja. Apparti interess mill-kumpanija lokali ta’ Hugo Chetcuti, kumpanija Taljana, konsorzju magħmul minn kumpaniji Ċiniżi, Ġermaniżi u Torok u konsorzju ieħor magħmul minn kumpaniji Franċiżi, Torok, Ingliżi u Ġappuni ukoll urew l-interess għall-bini.
Ħaġa waħda baqgħet biss konsistenti matul dawn is-snin ta’ inċertezza fuq il-bini tal-mina, l-oġġezzjoni mill-ambjentalisti. F’ 50 sena ta’ dubju dwar jekk għandiex issir jew le, diversi ambjentalisti rrimarkaw li l-mina se toħloq impatt enormi fuq iż-żewġ siti ta’ minn fejn tibda’ u tispiċċa. Inkluż il-qerda ta’ wieħed mill-isbaħ widien, mimli raba’ saqwi f’Malta, il-Wied tal-Pwales. Apparti minn hekk, dawn jisħqu li mina bejn Malta u Għawdex tfisser aktar żvilupp f’Għawdex kif ukoll żieda qawwija ta’ karozzi bejn il-gżejjer.
Fl-aħħar snin is-sindki Għawdxin ingħaqdu kollha f’daqqa biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar l-iżvilupp f’Għawdex, rifless ukoll f’sondaġġ li għadu kif ħareġ fil-gazzetta ILLUM li juri kif 80% tal-Għawdxin huma “inkwetati ħafna” dwar is-sitwazzjoni tal-bini u l-permessi fuq il-gżira tat-tliet għoljiet.