Il-Kandidat indipendenti Arnold Cassola ppreżenta lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa' dik li sejjaħ bħala evidenza diretta dwar illegalitajiet gravi b'rabta mal-proġett tal-Junctions tal-Marsa u talab li ssir investigazzjoni urġenti dwar il-kwistjoni.
"Dan il-każ huwa wieħed estremament serju u li jista' jheżżeż is-sisien tan-nazzjon. Jiena għarraft lill-Kummissarju Gafa' li jekk ma nkunx imsejjaħ biex nispjega l-kontenut tad-dokumenti li jien tajtu sal-aħħar ta' dan ix-xahar, se nirrikorri għal azzjonijiet legali ulterjuri," kompla jisħaq Cassola.
Huwa spjega kif skont l-evidenza li qal illi għandu minn Whistlesblowers anonimi minn sorsi primarji, hemm indikazzjoni tal-involviment ta’ mill-inqas żewġ persuni magħrufa sew, flimkien ma’ persuni oħra inqas magħrufa, kif ukoll tħassib dwar il-kxif ta’ informazzjoni privileġġata, negozjati irregolari u mhux trasparenti minn wara l-kwinti, faċċati fittizji involuti fil-proċess tas-sejħa għall-offerti "u s-suspett qawwi ta' teħid ta' kummissjonijiet u ħlasijiet bankarji inspjegabbli."
Cassola kompla jisħaq li huwa importanti li l-pulizija tagħmel xogħolha b'ħeffa mhux biss biex tassigura li l-awturi ta’ kull delitt jieħdu dak li ħaqqhom "imma wkoll biex juru li l-imġiba etika xierqa u l-ġustizzja ta’ veru ma sparixxewx minn pajjiżna”.