'Hemm bżonn azzjoni mill-awtoritajiet... Is-sitwazzjoni fit-toroq sejra għall-agħar'

Ċifri tal-NSO juru illi fi tliet xhur f'Birkirkara biss seħħew aktar inċidenti tat-traffiku minn Għawdex kollu f'daqqa. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn iċ-ċifri u titkellem ma' sewwieq ta' mutur u d-Doctors for Road Safety...

Inċidenti u mwiet. Imma x'inhu jiġri fit-toroq tagħna?
Inċidenti u mwiet. Imma x'inhu jiġri fit-toroq tagħna?

Fid-dawl tal-inċidenti - tmienja din il-ġimgħa biss u wieħed ieħor fatali, li jiżdied mat-22 l-oħra din is-sena - il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' sewwieq ta' mutur, tabib mid-Doctors for Road Safety u tat ħarsa wkoll lejn l-aħħar statistika li tikkonċerna l-inċidenti. 

'Is-sitwazzjoni fit-toroq Maltin qegħda ssir dejjem agħar'

Mal-ILLUM tkellem Alex Meszaros, sewwieq Ungeriż ta' mutur iżda li ilu jgħix u juża t-toroq Maltin għal ftit aktar minn 10 snin. Mistoqsi jekk jaħsibx li t-toroq Maltin qed isiru inqas sikuri u r-raġuni għal dan, huwa qal li ma hemmx dubju illi s-sitwazzjoni fit-toroq Maltin qegħda issir "dejjem agħar." Huwa semma' t-traffiku li qed jiżdied u li qed iġib miegħu ukoll "nuqqas ta' rispett kontinwu u frustrazzjoni fit-toroq." 
Meszaros qal lil din il-gazzetta illi minkejja li llum ir-rispett lejn min isuq il-mutur żdied xi ftit, xorta jibqa' fatt li qed jiżdiedu l-inċidenti u jgħid li fil-fatt l-inċidenti kollha li kellu hu fl-10 snin kemm ilu hawn, kollha seħħew fl-aħħar tliet snin. 

Mistoqsi x'jaħseb dwar l-argumenti kuntrarji, li l-muturi jistgħu jkunu soluzzjoni għat-traffiku u minn naħa l-oħra l-biża' ta' periklu li jistgħu joffru, huwa beda billi qal illi huwa fatt inegabbli li aktar muturi joqgħodu fit-triq milli karozzi u allura li dawn jistgħu jkunu soluzzjoni. "Minkejja dan, din hija xi ħaġa kulturali u għalhekk teżisti l-biża' fuq il-muturi. Idea u kultura li hija msaħħa mill-fatt li Malta pajjiż żgħir, b'toroq iżgħar u ftit li xejn hawn mezzi oħra ta' trasport." 

Is-sewwieq sostna ma' din il-gazzetta illi f'pajjiżi oħrajn huwa komuni ħafna li wieħed jara l-użu tal-muturi jew anke ta' roti fit-toroq, xi ħaġa li jgħid illi f'Malta għadha kważi rarità. "Dan qed jagħmel is-sitwazzjoni agħar," sostna dan il-biker tal-ILLUM. 
Mistoqsi x'jaħseb li huma s-soluzzjonijiet għall-futur, huwa qal li hemm bżonn bidla fil-kultura għalkemm ammetta li dan jieħu ż-żmien, anke ġenerazzjoni. 

"L-unika possibilità li nara jiena huwa trasport tal-massa taħt l-art, għax fuq l-art imbagħad diġà mimli. Huwa ta' xejn li jiżdiedu tal-linja la jeħlu fit-traffiku, għax jekk nirdoppjaw ix-xarabanks kull ma nkunu qed nagħmlu, nirdoppjaw ix-xarabanks li qegħdin fit-traffiku," temm jgħid Alex Meszaros. 

Alex Meszaros fuq il-mutur tiegħu. Ritratt ta' Ramsden Photography
Alex Meszaros fuq il-mutur tiegħu. Ritratt ta' Ramsden Photography

'Terz tal-poplu jsegwi l-liġijiet, terz għandu bżonn edukazzjoni u t-terz l-ieħor jipprova jagħmel li jrid'

Il-gazzetta tkellmet ukoll mat-Tabib Ray Gatt f'isem l-għaqda non governattiva Doctors for Road Safety li sostna illi l-imwiet huma dejjem inkwetanti, anke jekk ikun hemm mewt waħda imma saħaq ukoll li mhux qed isir biżżejjed diskors u diskussjoni dwar dik li sejjaħ "il-muntanja". 

Huwa kien qed jirreferi għal dawk il-mijiet u eluf li jsofru minn ġrieħi ta' natura gravi, li għalkemm jibqgħu ħajjin ikollhom problemi serji ta' saħħa u xi kultant ta' dipendenzi soċjali wkoll. 

Huwa qal li l-għaqda hija inkwetata fuq tliet aspetti. L-ewwelnett hemm dak li qal illi huwa nuqqas ta' edukazzjoni kemm fost is-sewwieqa imma wkoll fost il-poplu in ġenerali u anke nuqqas ta' edukazzjoni fost it-tfal, fl-iskejjel. It-tieni problema hija t-toroq, għalkemm fuq hekk jirrikonoxxi li fl-infrastruttura tat-toroq sar progress qawwi. U finalment isemmi l-infurzar, jew inkella n-nuqqas tiegħu. 

Imma x'jaħseb li għandu jsir f'dak li jitratta infurzar? 

Huwa jgħid illi kieku kellu jagħti kalkolu jgħid illi terz tas-sewwieqa fil-pajjiż isegwu l-liġijiet u r-regoli tas-sewqan, it-terz l-ieħor ma jsegwux daqstant imma kull ma jridu huwa edukazzjoni u finalment hemm dak it-terz ma jridx jitgħallem u jrid jagħmel li jrid. 

Huwa jisħaq li hemm bżonn ta' aktar kameras u dixxiplina fit-toroq biex jintlaħaq l-għan tal-infurzar. 

"Ejja naċċettaw li hemm problema u nsibu s-soluzzjonijiet għaliha," temm jgħid mal-ILLUM it-Tabib Ray Gatt. 

Dr.Ray Gatt
Dr.Ray Gatt

F'Birkirkara biss seħħew aktar inċidenti minn Għawdex kollu fl-ewwel disa' xhur tas-sena

F'Birkirkara seħħew iktar inċidenti bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena milli seħħew f'Għawdex kollu probabbilment f'riflessjoni wkoll tal-fatt li din il-lokalità - it-tieni l-akbar raħal f'Malta - għandha fiha diversi toroq arterjali li minnhom jgħaddu eluf ta' karozzi kuljum. Birkirkara hemm fiha u madwarha il-bypass li tibqa' sejra għall-Isptar Ġenerali Mater Dei u l-Università u lejn Ħal Lija fid-direzzjoni opposta, it-Triq tal-Wied (Valley Road) - li prattikament taqsam il-lokalità fin-nofs, mill-Imsida sa Ħal Balzan - u Psaila Street, li tgħaddi minn Birkirkara, Santa Venera u tibqa' sejra kważi sal-Ħamrun. 

Fil-fatt skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jirriżulta li bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena f'Birkirkara seħħew l-akbar numru ta' inċidenti, b'total ta' 827 li fil-fatt huwa 111-il inċident aktar mill-istess perjodu s-sena l-oħra u jirrapreżenta 6.7% tal-inċidenti kollha li seħħew f'dan il-perjodu. Fix-xhur tas-sajf biss seħħew 273 inċident f'din il-lokalità, jew żieda ta' 20 inċident mill-2021. 

Dan huwa aktar mill-14-il lokalità Għawdxija kollha f'daqqa hekk kif fl-ewwel disa' xhur tas-sena hawnhekk seħħew 798 inċident b'kollox, bl-aktar lokalità li fiha seħħew inċidenti - kif mistenni - tkun ir-Rabat (Victoria) b'243 u l-inqas tkun waħda mill-iżgħar lokalitajiet ta' Malta, San Lawrenz fejn seħħew seba' inċidenti biss. Ta' min wieħed ifakkar illi minkejja ċ-ċokon fil-popolazzjoni, il-lokalità ta' San Lawrenz xorta tattira diversi vetturi lejha għal dawk l-eluf ta' Maltin u anke barranin li qabel kienu jinżlu jaraw l-Azure Window u fejn hemm ukoll il-bajja magħluqa tad-Dwejra. 

Lokalitajiet oħrajn fejn, skont l-NSO, seħħew numru konsiderevoli ta' inċidenti huma Ħal Qormi (583), Il-Mosta (574) u anke San Pawl il-Baħar (573). Dawn huma kollha lokalitajiet ippopolati ħafna u fil-każ tal-aħħar tnejn, hemm numru kbir ta' stabbilimenti - kif ukoll imdawwrin b'toroq arterjali li minnhom jgħaddi ħafna traffiku. 

Lokalitajiet oħrajn fejn seħħew ħafna iktar inċidenti kienu dawk sinonimi ma' toroq traffikużi, fosthom il-Marsa fejn seħħew 431 inċident fl-ewwel disa' xhur tas-sena. Din hija lokalità b'uħud mill-aktar toroq użati, fosthom Triq Aldo Moro u l-Junctions il-ġodda kif ukoll Triq Diċembru 13, li mill-Marsa tieħdok lejn il-Furjana. Tajjeb wieħed jinnota li din l-aħħar triq hija waħda li traġikament fl-aħħar xhur rat diversi jitilfu ħajjithom f'inċidenti. 

F'April miet raġel ta' 31 sena mill-Eritrea kmieni filgħodu, ftit wara miet raġel Sudaniż matul il-lejl ukoll u f'Awwissu reġa' tilef ħajtu raġel Eritrean.

Triq Diċembru 13, il-Marsa
Triq Diċembru 13, il-Marsa

Ta' min wieħed ifakkar ukoll li din is-sena kienet waħda mill-aktar snin illi matulhom tilfu ħajjithom nies fit-toroq ta' pajjiżna - 22 persuna sa issa. 

Il-lokalitajiet fejn kien hemm numri żgħar ta' inċidenti kienu dawk pjuttost iżgħar u fejn ma hemmx komunità kummerċjali, fosthom Santa Luċija b'16-il inċident f'disa' xhur, ix-Xgħajra (16), il-Kalkara (20), l-Imtarfa (24), l-Imdina (25) u Ħad Dingli (34). 

Iż-Żejtun kienet il-lokalità li fit-tielet kwart tas-sena rat l-ikbar tnaqqis fl-inċidenti meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra (-32) segwita minn Ħal Qormi u Ħ'Attard, li t-tnejn raw 29 inċident inqas fil-perjodu in kwistjoni. 

Interessanti wieħed jinnota li d-distrett li fih hemm Birkirkara u anke Ħal Qormi - u allura dak tat-Tramuntana tal-Port huwa l-iktar wieħed li fih mhux biss seħħew inċidenti tat-traffiku, imma wkoll l-aktar wieħed li fih seħħew inċidenti li fihom persuni sofrew minn ġrieħi. 

Fil-fatt bejn Jannar u Settembru n-numru ta' nies li weġgħu wara li kienu involuti f'inċident kienu 321, filwaqt li fix-xhur tas-sajf (Lulju sa Settembru) kienu ta' 124 jew żieda ta' 22.8% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta' qabel. 

Dan ir-reġjun jinkludi wkoll lokalitajiet bħal Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi, Pembroke u Ħamrun. 

B'kuntrast, fil-Punent tal-pajjiż li jinkludi Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u Ħ'Attard l-inċidenti matul is-sajf naqsu b'37.8% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. 

Min kien l-aktar involut f'inċidenti? L-anzjani l-inqas, imma mhux iż-żgħażagħ l-aktar!

L-istess NSO qasam iċ-ċifri wkoll skont dawk li kienu involuti fl-inċidenti u mhux biss skont il-post fejn seħħ. Minkejja li l-perċezzjoni komuni tista' tkun li dawk iżgħar fl-età huma ġeneralment dawk li l-aktar ikunu involuti f'inċidenti, speċjalment matul ix-xhur tal-ħruġ u t-tbaħrid tas-sajf, dan ma kienx il-każ din is-sena. Fil-fatt l-aktar persuni li kienu involuti f'inċidenti kienu dawk bejn is-26 u l-40 sena b'total ta' 156 u warajhom dawk bejn 41 u 59 sena b'108 persuni. B'kollox kienu 90 persuna bejn it-18 u l-25 sena li kienu involuti f'inċidenti tat-traffiku f'dawn it-tliet xhur. 

Imma kif konna s-sena l-oħra? 

Fl-2021 - matul Lulju u Awwissu - kienu 86 persuna bejn it-18 u l-25 sena involuti f'inċidenti u allura fl-istess livelli ta' din is-sena (erba' każi inqas). Dan huwa l-istess għal dawk bejn is-26 u l-40 sena u anke fost dawk bejn il-41 u d-59 sena fejn in-numri baqgħu viċin ħafna ta' xulxin. 

Minn naħa l-oħra kienu biss 16-il persuna ta' bejn is-60 u l-64 sena li kienu involuti f'inċident tat-traffiku u 40 persuna minn 65 sena 'l fuq, li kienu involuti f'inċidenti fit-tielet kwart tas-sena. 

Il-ġrieħi ta' xufiera ta' muturi kienu aktar "gravi" minn dawk tal-karozzi

Intant kif mistenni l-aktar li kien hemm huma inċidenti b'karozzi u anke muturi. Fil-fatt l-istess ċifri juru kif kien hemm total ta' 122 inċident li kienu jinvolvu xufiera ta' karozzi pero' kien hemm aktar, jew 139 li involvew muturi bejn Lulju u Settembru. Huwa ċar ukoll minn din l-istatistika li, għallinqas matul dawn it-tliet xhur, l-inċidenti b'muturi kienu ħafna iktar dannużi hekk kif filwaqt li kienu 46 xufier ta' mutur li weġġgħu gravi, kienu 12-il xufier biss tal-karozza li kellhom l-istess tip ta' ġrieħi.

Kienu 60-il passiġġier ta' karozza li sofrew minn ġrieħi, b'persuna waħda saħansitra titlef ħajjitha. 

Minn naħa l-oħra x-xhur tas-sajf ħasdu l-ħajja ta' ħames persuni oħra li kienu mexjin fit-triq (pedestrians), tnejn li ttajru minn karozzi u tnejn oħra minn muturi, filwaqt li persuna oħra ttajret minn xarabank. 

Uħud mill-ħajjiet li nħasdu fit-toroq Maltin din is-sena!

Fl-4 ta' Jannar il-President Ta' Puttinu Cares u l-Pedjatra Victor Calvagna ta' 63 sena miet wara li intlaqat b'karozza fil-Qawra, fejn kien qiegħed jiġġogja. 

Xahar wara - nhar is-6 ta' Frar - Ajay Shrestha minn Nepal, li kien jaħdem bħala food courier intlaqat minn metalli li waqgħu minn fuq trakk fi Triq Aldo Moro, il-Marsa.

Xahar wara, iż-żagħżugħ Andrea Alamango ta' 28 sena miet wara inċident fil-Gżira wara ħabta bejn żewġ muturi.

Andrea Alamango
Andrea Alamango
Ajay Shrestha
Ajay Shrestha
Antoine Degabriele
Antoine Degabriele

F'Awwissu miet Antoine Degabriele f'inċident hit and run fiż-Żejtun, inċident li spiċċa quddiem il-Qorti bil-każ għadu għaddej. Dean Donovan Debono kien akkużat bil-qtil ta' Degabriele. 
Iktar riċenti mietet Marie Claire Lombardi f'inċident fi Triq Imdina. Lombardi kienet stilista tax-xahar popolari ħafna u kemm il-każ u anke l-

funeral tagħha - fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta - kien irrapportat fuq il-midja. Rapporti fuq il-midja soċjali indikaw kif ftit qabel dan l-inċident xi ħadd waqqa' kannestru żebbuġ li ma ġabarx u li jista' jkun illi kien il-kawża ta' dan l-inċident.

Victor Calvagna
Victor Calvagna
Marie Claire Lombardi
Marie Claire Lombardi

 

 

More in Politika