Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel qalet li l-Ministeru għas-Saħħa qed jirrifjuta li jitrasferixxi infermiera Għawdxin li jaħdmu Malta għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u dan minkejja n-nuqqas ta’ infermiera li hemm.
Fi stqarrija, l-MUMN qalet li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm nuqqas kbir ta’ infermiera, b’mod partikolari fl-emerġenza u anke fis-swali tal-operazzjonijiet.
Qalet li Steward Health Care talbet it-trasferiment ta’ ħames infermiera minn Malta u Għawdex biex almenu jaħdmu fis-servizzi essenzjali iżda, dejjem skont l-MUMN, il-Ministeru qed jirrifjuta dan.
Għalhekk, Steward Health Care qed tkun kostretta timpjega infermiera barranin minflok taħdem bl-infermiera Għawdxin li jinsabu Malta.
L-MUMN qalet li dan imur kontra ftehim li hemm bejnietha u anke l-Ministeru biex infermiera Għawdxin ikollhom id-dritt li jiġu ttrasferiti biex jaħdmu f’Għawdex stess.
“Huwa ċar daqs il-kristall li l-Gvern Laburista mhux qed jagħti prijorità lill-bżonnijiet tal-Għawdxin,” qalet l-MUMN. Insistiet li kienet tistenna li d-Deputat kollha tal-Gvern li huma minn Għawdex, inkluż il-Ministru, jitkellmu dwar dan u ma jippermettux dak li qed jagħmel il-Ministeru għas-Saħħa.
Kien hawn li qalet li mhux se jifdlilha triq oħra ħlief li tieħu azzjoni fl-interess tal-infermiera Għawdxin.
“L-infermiera Għawdxin u l-Għawdxin kollha għandhom ikunu ttrattati b’rispett u huja ħasra li d-drittijiet bażiċi tagħhom qed ikollha tiddefendihom unjin.”