Intervista | 'Se nassiguraw emenda li ma tagħti ebda lok għal abbuż'
Mal-ILLUM il-Ministru Jonathan Attard jisħaq li għaddejjin diskussjonijiet dwar l-emenda kontroversjali li titratta tqala ta' periklu għal saħħet jew ħajjet l-omm b'tibdiliet illi mifhum li se jitressqu fi stadju tat-Tielet Qari fil-Parlament
minn Albert Gauci Cunningham
Il-kontroversja ma tridx tbatti u ma nistennewx li tbatti hekk kif is-suġġett tal-abort iqajjem tant kontroversja, kif dejjem għamel għal dawn l-aħħar snin. Il-gazzetta ILLUM tpoġġi għal intervista mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard - wieħed mill-imħuħ wara l-emenda li qed tqajjem tant irwiefen propju għax il-Gvern qed jiġi akkużat li qed jipprova jdaħħal l-abort 'on demand' mit-tieqa, la ma jistax idaħħlu mill-bieb.
U allura l-ewwel mistoqsija ta' din il-gazzetta tkun propju dwar din l-akkuża. Il-Gvern qed ikun akkużat illi huwa diżonest meta jgħid li mhux qed idaħħal l-abort, ladarba t-terminazzjoni ta' tqala hija minnha innfisha abort. Il-Gvern qed jifformalizza l-abort f'każi fejn ħajjet jew saħħet il-mara tkun f'periklu gravi. Qed naqblu?
Il-Ministru Attard jibda billi jwieġeb li hu ma jaqbel assolutament xejn mar-raġunament ta' din il-gazzetta u jisħaq li l-Gvern qed ikun "responsabbli, onest u realistiku" meta ffaċċjat b'nuqqas fil-liġi. Huwa fakkar li pajjiżi oħrajn fejn l-abort huwa legalizzat xorta għandhom leġiżlazzjoni li tkopri din ir-realtà u ċirkostanza, jiġifieri tqala li jkollha tkun itterminata minħabba li ħajjet jew saħħet il-mara tkun f'periklu gravi.
"Hawnhekk qed nitkellmu dwar is-sitwazzjoni ta' ħajja jew saħħa f'periklu gravi - mill-bqija kull ma jagħmel l-abort illegali fil-Kodiċi Kriminali hekk se jibqa' u mhux se jinbidel," qal il-Ministru Attard li saħaq illi l-Gvern qed jindirizza sitwazzjoni li kienet eżistenti fil-liġi Maltija u li qed iressaq din l-emenda sabiex jagħti serħan il-moħħ kemm lill-professjonisti u anke biex - fi kliemu - jassigura "l-aqwa saħħa lill-ommijiet meta jiffaċċjaw problemi gravi ta' saħħa."
Il-kelma "Saħħet" se tiftaħ il-bibien għall-Abort 'On demand'?
Il-gazzetta mela ddur fuq it-tieni kritika li qed jaqla' l-Gvern. Il-kritika hija li bl-użu tal-kelma "saħħet" il-Gvern fir-realtà qed iħalli l-emenda waħda vaga, bil-konsegwenza li - kif l-Oppożizzjoni tgħid li ġara fir-Renju Unit - l-eċċezzjoni tintuża biex l-abort isir in-norma fil-Liġi. Il-gazzetta terġa' tistaqsi jekk l-Gvern ħalliex din l-emenda vaga sabiex idaħħal l-abort on demand mit-tieqa.
Attard beda illi qal li s-sitwazzjoni ta' Malta ma' dik tar-Renju Unit ma tistax titqabbel, għax reġa' fakkar li l-artikoli fil-liġi relatati mal-abort se jibqgħu fil-liġijiet tagħna kif inhuma, "imma meta jkun hemm ċirkostanzi estremi fejn ħajja jew saħħa ta' mara tkun f'qagħda gravi - u importanti li nibqa' nisħaq fuq l-importanza tal-kliem "qagħda gravi" - It-tobba u l-professjonisti jkollhom id diskrezzjoni li jiddeċiedu jekk ikun hemmx l-estremitajiet neċessarji, dejjem bil-kunsens tal-pazjent, f’dan il-każ l-omm.
Attard kompla jgħid li b'din l-emenda mhux se tkun fid-diskrezzjoni tal-mara li sempliċiment tmur fuq tabib u tgħidlu jagħmel abort, kif l-abort fil-fatt huwa legali f'pajjiżi oħrajn - fi prattikament id-dinja kollha, insomma.
Huwa kompla jispjega li huwa t-tabib u l-professjonist li jevalwa s-sitwazzjoni ta' saħħet l-omm imbagħad naturalment jinforma lill-omm, bix-xenarji u kif dejjem jiġri jkun il-pazjent li jiddeċiedi dak l-intervent isirx fuqu jew le.
"Żleali u diżonest qed ikun min qed jgħid li din l-emenda hija tieqa għall-abort. Meta missirjietna daħlu eċċezzjonijiet oħrajn bħall-Leġittima Difiża (Self Defence), per eżempju, ħadd ma qagħad jgħid li qed niftħu tieqa għal aktar delitti."
Huwa wkoll sostna li mhux ġust li ssir distinzjoni bejn kundizzjoni medika jew oħra u li kwalunkwe kundizzjoni tista' tpoġġi ħajjet jew saħħet l-omm f'qagħda gravi.
Lista li tagħti ċertezza legali li tkopri l-kundizzjonijiet kollha mediċi "ma teżistix"
Jiġifieri din il-gazzetta tistaqsi lill-Ministru jiċċara: Jekk - b'dak propost - mara tmur għand tabib u tgħidlu li minħabba problemi kbar ta' saħħa mentali bħal dipressjoni kbira ma taħsibx li tista' ġġor it-tqala, it-tabib ma jistax jaqbad u jittermina t-tqala. Sewwa?
Attard reġa' rrepeta li dejjem irid ikun it-tabib li jiddetermina hemmx l-estremitajiet neċessarji li jwasslu biex tittieħed deċiżjoni isirx l-intervent jew le.
Huwa qal li huwa kellu diskussjonijiet fit-tul ma' professjonisti biex jinfthemu aktar il-pożizzjonijiet differenti u qal illi kien hemm min qallu li fl-aħħar snin qatt ma kien hemm każ ta' saħħa mentali li wassal għall-estremità li jkun meħtieġ intervent ta' terminazzjoni ta' tqala. Minkejja dan, huwa qal li l-Gvern huwa u jifformola din l-emenda ddeċieda li ma jistax jelimina jew jeskludi ebda kundizzjoni medika partikolari.
Huwa qal li fil-fatt kien hemm min talbu jispeċifika l-estremijtajiet li qed talludi għalihom l-emenda bir-risposta tiegħu tkun li jitlob li jingħata lista "exhausitve" li tagħti ċertezza legali li ma titħalla ebda kundizzjoni barra. "Din il-lista ma ngħatatlix għax fil-fatt ma teżistix u ħadd mhu kapaċi jagħmilha u nifhem. Nifhem li ma hemmx abbozz leġiżlattiv li jista' jkopri kull xenarju mediku possibbli u għaliex għandna nkunu aħna li noħolqu diffikultà legali li jkun hemm xenarju mediku li ma aħniex nantiċipaw li jista' jwassal għat-telf tal-ħajja tal-omm?"
Huwa qal illi b'dak propost il-professjonisti u t-tobba jġorru r-responsabilità tad-deċiżjoni medika tagħhom "u konvint li kif dejjem għamlu se jagħtu l-aqwa servizz. Dejjem fdajnihom aħna u ma għandniex għaliex niddubitaw mill-professjonalità tagħhom. Jekk ikun hemm ċirkostanzi illi jilħqu dawn il-kriterji, imbagħad jkun jista' jsir l-intervent biex saħħet l-omm tkun protetta," temm jgħid fuq dan il-punt il-Ministru għall-Ġustizzja, mal-ILLUM.
'Diżonest min qed jipprova jqarraq u jgħid li aħna rridu noqtlu l-fetu'
Imma l-ILLUM tfakkru li l-Oppożizzjoni ssemmi s-saħħa mentali għax tirraġuna illi minkejja li problemi ta' saħħa mentali jirrikjedu l-għajnuna, jekk mara hija kapaċi twelled minkejja dawn l-isfidi, mela allura għandha titħalla twelled.
Attard saħaq li l-parametri legali ta' din l-emenda huma ċari: "Din qed tifformalizza prassi medika li ma kellhiex is-sostenn tal-liġi. Fil-liġi hemm l-aspett tan-neċessità u aħna ħloqna neċessità għal meta jkun hemm bżonn jsir intervent - jiġifieri f'każ fejn is-saħħa jew il-ħajja tal-omm tkun f'periklu gravi.
"Iżda f'ċirkostanzi fejn il-fetu jkun vijabbli, allura jista jitwelled u jgħix, in-neċessità ma tibqax hemm. Għaldaqstant ikolli nerġa' ngħid li huwa diżonest min qed jipprova jqarraq u jgħid li aħna rridu noqtlu l-fetu."
'Il-proviso tagħhom huwa li ma jsir xejn għax il-liġi tajba kif inhi... Mhu vera xejn'
Huwa jisħaq li hu lest ikompli jiddiskuti u jisma', f'liema punt il-gazzetta twaqqfu u tirrimarka li ma jistax jinnega li l-Gvern għamel żball strateġiku kbir meta ma spjegax x'se jagħmel eżatt qabel ressaq l-emenda fil-Parlament, biex fil-proċess in-narrattiva tal-PN ħadet is-soppravvent.
Huwa jammetti li jista' jkun li hemm fejn wieħed jitgħallem għalkemm sostna li jemmen li ħafna nies fil-kwiet ta' darhom qed jisimgħu u jifhmu x'qed iressaq il-Gvern.
Huwa akkuża lill-Oppożizzjoni u dawk li jsejjaħ "forzi konservattivi" illi qed jżidu mal-istigma u jisħaq li bl-istigma li hemm fuq is-suġġett u li qed jiġi pperpetrat l-ebda persuna li mhix pubblika mhi se toqgħod targumenta favur jew taqsam l-esperjenza tagħha. "M'intix tara l-Kap tal-Oppożizzjoni jiżżufjetta b'mara li għaddiet minn dak li għaddiet. Jew inkella ikun hemm min joħloq konġura li l-Istat Malti kien imdaħħal ma' din il-povra mara li għaddiet mis-sitwazzjoni li għaddiet. Dan huwa inaċċettabbli."
Attard qal li lanqas fuq l-appelli ta' kunsens ma jaqbel, f'liema punt l-ILLUM tistaqsih għaliex ma jħossx li huwa sew li jisma' u jintlaħaq qbil. Il-Ministru qal li l-Gvern beda jtejjeb l-emenda u lest ikompli jagħmel dan imma saħaq li huwa inaċċettabbli li ma jsir xejn kif qed tappella l-Oppożizzjoni u anke wħud mill-akkademiċi.
"Il-Proviso tagħhom huwa li ma jsir xejn għax qed jgħidu li l-leġiżlazzjoni hija tajba. Imma dan mhux il-każ u min jara l-liġi kriminali kif inhi jirrealizza li mhux il-każ."
"Mela, iva Nitkellmu u nisimgħu imma mhux se nieħu lezzjonijiet mill-PN," kompla jinsisti l-Ministru.
'Għaliex ngħaddu lit-tobba minn kedda legali għax ikunu għamlu xogħolhom?'
Imma jissemma ħafna minn dawk li huma kontra din l-emenda illi f'40 sena qatt ma kien hemm każ partikolari fejn tobba intbagħtu l-ħabs propju għax esegwew il-prassi medika li tħalli lit-tqala tiġi tterminata biex tiġi salvata l-omm, li tissejjaħ popolarment bħala 'Double Effect.' U dan għax hemm bħal qbil li dan ma jkunx - legalment - meqjus bħala abort mill-avukati, professjonisti u qrati. Allura eżattament x'inhi l-ħtieġa ta' din l-emenda?
Attard jibda billi jgħid illi kemm hemm ommijiet li spiċċaw f'dawn is-sitwazzjonijiet ma nafux għalkemm irrikonoxxa li huwa veru illi ebda tabib qatt ma spiċċa quddiem il-Qorti fuq każ simili. Kien hawn illi rrefera għall-każ ta' Andrea Prudente u "is-sitwazzjoni partikolari" li wassal għalih dan il-każ. "Mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-każ tas-Sinjuri Prudente, kienet dik is-sitwazzjoni li waslet biex nivverifikaw u nikkonfermaw mal-Avukat tal-Istat li l-ligi kif inhi ma tkoprix sitwazzjonijiet meta l-professjonist jintervjeni biex isalva ħajjet l-omm."
Huwa kompla jgħid li dan apparti li aħjar tevita ċerta sitwazzjonijiet u apparti li kif inhi l-liġi t-tabib jibqa' f'riskju ta' priġunerija. "u ejja ninsew il-fatt li dan kollu jibqa' fid-diskrezzjoni tal-Qrati, għalfejn għandna ngħaddu lit-tobba minn kedda legali?"
Huwa jelenka xi eżempji, fosthom ta' kif persuna ma taqbilx mal-intervent li jkun sar fuq l-omm u tiftaħ kwerela kontra t-tabib, filwaqt li f'sitwazzjoni bħal din tista' saħansitra tinfetaħ inkjesta fuq it-tabib. "Għaliex irridu ngħadduhom minn din il-kedda legali lit-tobba sempliċiment għax ikunu għamlu xogħolhom?"
Falliment tal-Istat
Il-Ministru għall-Ġustizzja jagħmel referenza għall-każ ta' Bernice Cassar, vittma ta' vjolenza domestika u jfakkar illi l-poplu kollu rrabja, inkluż hu, u li ħafna qalu illi l-istat falla lil Cassar.
"Issa immaġina," jibda jisħaq Attard, "kemm ikun falla aktar l-istat kieku nafu li hemm nuqqas fil-liġi, ma nagħmlu xejn u tmut omm, imqar waħda li hi waħda. Immaġina f'dak il-każ ukoll kemm verament l-istat ikun falla."
Għalhekk il-Ministru Attard qal li jkun irresponsabbli l-Gvern jekk ma jbiddilx u minflok iżomm l-istatus quo.
'Din mhix kwistjoni ta' opinjoni, din kwistjoni ta' ħajjet l-omm'
U kemm idejqu jew jinkwetah il-prospett li l-poplu jmur għal referendum fuq din il-kwistjoni?
Huwa kien skjett: "Jiena ma naqbel qatt li kwistjoni bħal din tmur għal referendum għax din mhix kwistjoni ta' opinjoni, imma kwistjoni ta' drittijiet fundamentali, id-dritt tal-ħajja tal-omm li qed tirċievi l-kura."
Huwa kompla billi qal li mhu veru xejn li qed issir għażla bejn ħajja u oħra, "għax hawn għandna sitwazzjoni fejn hemm ċans li kemm l-omm u kemm it-tarbija jitilfu ħajjithom. Għalhekk il-possibilità ta' intervent fl-aħjar interess tal-omm fejn saħħitha jew ħajjitha jkunu fil-periklu u fejn it-tqala u saħħet it-tarbija jkunu vijabbli, il-ħidma biex it-tqala tibqa' għaddejja."
Għaddejjin diskussjonijiet...
Għalhekk fi tmiem din l-intervista l-gazzetta ILLUM tistaqsi x'se jbiddel il-Gvern la hu qed jindika jew jagħti l-impressjoni li l-emenda hija ċara u li min qed jinterpretaha mod ieħor huwa diżonest. X'se jbiddel il-Gvern f'din l-emenda?
Attard wieġeb fil-qasir u qal li paripassu mad-diskussjoni Parlamentari "għaddejin ukoll laqgħat mar-rappreżentanti tal-professjonisti biex nassiguraw li l-emenda leġiżlattiva ma tagħti l-ebda lok ta' abbuż, iżda mingħajr ma ndgħajjfu l-prinċipji ewlenin, jiġifieri il-protezzjoni ta’ ħajjet u saħħet l-omm."