Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru, 65% tal-Maltin iħossu li naqsilhom il-livell tal-għajxien, jiġifieri dak li ikkalkulat fuq id-dħul ta' persuna u familja kuntrarjament għall-kwalità tal-ħajja li hija ikkalkulata f'termini ta' saħħa, ambjent u stil ta' ħajja fost oħrajn. B'hekk din tagħmilna fost l-aktar Ewropej li jħossu li naqsilhom il-livell tal-għaxjien. Dan wara ċ-Ċiprijotti, li 70% minnhom jemmnu li naqsilhom il-livell tal-għaxjien u l-Griegi b’66%.
Parteċipi ta’ dan l-istudju saħqu li l-kriżi tal-għoli fil-prezzijiet, li rriżultat mill-Gwerra tal-Ukrajna, kif ukoll il-pandemija u l-inflazzjoni huma ta’ tħassib kbir għalihom. Fil-fatt 45% qalu li għandhom diffikultà - b’uħud jgħidu li għandhom diffikultà kbira - minħabba d-dħul tagħhom.
Is-sondaġġ tal-Ewrobarometru qal li ċittadini ta’ pajjiżi Nordiċi huma fost l-aktar li huma kuntenti bid-dħul tagħhom. Fil-fatt 86% tad-Daniżi u 84% tal-Finlandiżi qalu li huma sodisfatti bid-dħul tagħhom filwaqt li 21% tal-Griegi u tal-Bulgari biss huma sodisfatti bid-dħul tagħhom rispettivament.
Intant 30% tal-parteċipanti qalu li xi kultant ibatu biex iħallsu l-kontijiet tagħhom filwaqt li 9% saħqu li ħafna drabi jbatu biex iħallsu l-kontijiet li jaslu kull xahar. Għal darb’oħra l-Griegi u l-Bulgari jirreġistraw l-aktar tbatija biex iħallsu l-kontijiet b’86% u 64% rispettivament.
Għaldaqstant meta mistoqsija dwar il-miżuri li ħadet l-Unjoni Ewropea biex taffaċċja ż-żieda fl-għoli tal-ħajja 56% qalu li ma kinux sodisfatti. Dan filwaqt li 64% qalu li ma kinux sodisfatti bil-miżuri li ħadu l-Gvernijiet tagħhom.