Kull min huwa interessat illi jiftaħ Cannabis Club li ma jkunx jopera għall-profitt u hekk kif tesiġi l-liġi li titratta l-Kannabis li tgħid illi l-kannabis tista' tinbigħ biss minn dawn il-postijiet, f'ammonti limitati u lil persuni li jkunu rreġistrati - jista' jagħmel dan mit-28 ta' Frar.
L-Assoċjazzjoni għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) se tkun qed tiftaħ l-applikazzjonijiet ix-xahar id-dieħel, bil-liċenzjar ikun suġġett għal standards marbutin ma' operazzjoni, kultivazzjoni, teħid ta' kampjuni, ittestjar u ppakeġġjar.
Illum l-ARUC tat aktar dettalji relatati dwar il-proċess ta' applikazzjonijiet u l-kriterji rilevanti, filwaqt li spjegat kif dawn l-għaqdiet se jkunu jisimhom 'Cannabis Harm Reduction Association' u jridu jkunu rreġistrati mal-ARUC biex jingħataw liċenzja. Kull assoċjazzjoni jeħtieġ ikollha żewġ membri fundaturi u lista ta' amministraturi li jkunu persuni li ilhom ħames snin residenti Malta. L-ebda wieħed minn dawn l-amministraturi ma jista' jkollu passat kriminali, ta' ħasil ta' flus jew iffinanzjar ta' terroriżmu u dan sabiex ikunu evitati sitwazzjonijiet fejn dawn l-assoċjazzjonijiet jintużaw bħala front għal attività ta' kriminalità organizzata.
Il-liċenzji se jkunu validi għal sena, u wara dan ikunu jistgħu jiġġeddu għal ħames snin. Il-ħlas se jkun ta' €1,000 għal kull applikazzjoni.
Dawn ikunu jistgħu jikkultivaw il-prodott, miż-żerriega sal-bejgħ u jkunu jistgħu jixtru ż-żrieragħ minn barra l-pajjiż, imma biss minn ġurisdizzjonijiet u swieq ewropej. Huma jkunu jistgħu jkabbru l-pjanta tal-ħaxixa f'liema lokazzjoni jridu basta din tkun 'il bogħod mill-għajn u sakemm l-assoċjazzjonijiet jsegwu r-regoli kif indikati fil-liġi. Ġie spjegat li 'l bogħod mill-għajn ifisser li bidwi li, per eżempju, illum ikabbar t-tadam jista' jibda jkabbar il-ħaxixa, basta dan isir f'serra
L-għaqdiet ma jistgħux ikunu ħdejn skejjel jew ċentri taż-żgħażagħ, filwaqt li l-awditjar ta' kull waħda trid issir mill-ARUC.