"Deċiżjoni b'direzzjoni: djalogu dwar trasport u mobilità." Din hija t-tema wara numru ta' laqgħat immexxijja mill-konsulent u akkademiku Profs Gordon Sammut dwar it-trasport pubbliku u l-'peak hour'.
Fil-fatt ilbieraħ il-Ministeru għat-Trasport iltaqa' mal-Kamra tal-Kummerċjali u numru ta’ rappreżentanti tal-komunità kummerċjali li matula ġie diskuss il-pjan tal-Gvern biex tiġi indirizzata l-isfida tat-traffiku f'pajjiżna u kif it-trasport pubbliku jista' jsir iktar effiċjenti u alternattiva reali.
“Il-Ministeru, flimkien mal-esperti tiegħu, għaddej b’ħidma biex lil hinn minn dibattitu partiġġjan, il-partijiet interessati kollha jipparteċipaw f’dawn id-diskussjonijiet biex huma wkoll ikunu protagonisti f’dawn il-bidliet tant bżonnjużi,” qal il-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia.
Min-naħa tal-Kamra tal-Kummerċ, il-President Marisa Xuereb flimkien mal-Kap Eżekuttiv Dr Marthese Portelli resqu numru ta’ proposti għall-konsiderazzjoni tal-Gvern, fosthom l-introduzzjoni ta’ kunċett ta’ ‘e-mobility wallet’ li jgħin biex iseħħ bidla modali mill-karozzi privati għal shared mobility permezz tal-introduzzjoni ta' tariffi tal-parkeġġ li jiġu kkreditati lura f’‘e-mobility wallet’ biex jintużaw fuq shared mobility, trasport tal-massa, roti, ferries u modi oħra ta’ trasport li jgħinu biex jitnaqqas it-traffiku fit-toroq.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li, “l-mitigazzjoni tat-traffiku hija kwistjoni li ilna naħdmu fuqha b’mod proattiv permezz ta’ numru ta’ proposti li ressaqna għall-konsiderazzjoni tal-Gvern, wara li nisimgħu t-tħassib tal-membri tagħna.”
Filwaqt li ħa nota tal-kummenti tal-parteċipanti kollha, il-Ministru Farrugia talab lill-Kamra tal-Kummerċ biex fiż-żmien li ġej, b’mod formali, tgħaddi l-proposti kollha tagħha.