Il-kuntratt tal-VGH: Ċajta goffa li ħallast għaliha int!
Ma ħallsux il-pagi huma, ma nvestew kważi xejn, l-ewwel €1.8 miljun iħallashom il-Gvern, il-kuntratturi u tal-IT għamlu żmien ma tħallsux u l-VGH kienu qed jieħdu €190,000 kuljum. Fejn marru dawn il-flus?
minn Albert Gauci Cunningham
Is-saga tal-VGH ilha għaddejja issa. Li dan il-kuntratt kellu fuqu ħafna dellijiet u dubji mhix xi aħbar ġdida, anzi. Kważi, kważi min ilu jsegwi din l-istorja lanqas kien sorpriżi wisq minn dak li rriżulta mis-sentenza tal-Qorti.
Imma ejja nagħtu ftit ħarsa lejn il-fatturi ewlenin li għamlu il-kwistjoni tal-VGH, dik li hi, skandlu.
VGH: Min huma?
Kieku kienu se jakkwistaw konċessjoni ta' għorfa forsi wieħed jasal jifimha. Imma l-Vitals Global Healthcare kienu se jieħdu taħt idejhom tliet sptarijiet pubbliċi - b'wieħed minnhom jinsab fuq medda enormi ta' art. Mhux ċajta! L-isptar San Luqa, huwa kumpless enormi minnu nnifsu, li jinkludi wkoll l-Isptar Karin Grech. Iżda apparti dan, il-Vitals ingħataw ukoll l-uniku Sptar Pubbliku f'Għawdex.
Fid-dinja tal-lum, anke tmur f'ristorant biex sempliċiment tiekol ikla, tidħol fi tripavdisor jew fuq il-facebook, biex tiċċekkja ir-reputazzjoni ta' dak l-istabbiliment aħseb u ara kumpanija li se jkollha taħt idejha tliet sptarijiet pubbliċi.
Minkejja dan, Vitals Global Healthcare (minkejja l-'Global' f'isimhom) ma kellhom ebda esperjenza fil-qasam. XEJN. Qisek tmur fit-triq, taqbad lill-ewwel Joe jew Ċikku u tgħidlu "ibnili d-dar jekk jogħġbok".
Daqshekk kienet patetika d-deċiżjoni li minn tant kumpaniji tintgħażel i-VGH!
Imma dażgur... La kienu mifthemin!
Imma dażgur li tingħażel il-VGH, la kienet saret laqgħa, bil-moħbi - wara dahar kulħadd, wara dahar min seta' kien interessat f'dan il-proġett multi-mijunarju minn wara dahar anke l-Kabinett stess - illi matulha kien deċiż li l-VGH se tirbaħ.
Mela isimgħu!
Ħadd ma jaf bil-proġett. Ħadd! Iltaqgħu bil-moħbi u r-rappreżentanti tal-Gvern mal-VGH iffirmaw ftehim (Memorandum of Understanding) biex meta jinfetaħ il-proċess tal-għażla, il-VGH tkun taf eżatt x'għandha tgħid u tipproponi - anke jekk tkun qed tibbluffja - biex il-konċessjoni teħodha hi.
Pero fil-verità kellhom jiġu l-aħħar!
Rapport tal-Awditur Ġenerali qal illi mhux talli ma kellhiex tirbaħ, talli kellha tkun skwalifikata mit-tiġrija. Imma mill-aħħar, ġiet l-ewwel!
L-NAO qal hekk: "Il-koinċidenza bejn dan il-ftehim (Memorandum) u l-konċessjoni kienet ċara u ħolqot dubju u tħassib kbir rigward l-integrità tal-konċessjoni eventwali. It-tħassib tal-NAO jiżdied fid-dawl tan-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jipprovdi lil dan l-Uffiċċju kopja tal-ftehim. Dan l-Uffiċċju huwa tal-fehma li dan il-ftehim ipprovda raġunijiet għall-iskwalifika ta’ VGH."
Ram Tumul-MIN?
U mix-xejn ifeġġ l-isem Ram Tumuluri. Awtorità fi-qasam tas-saħħa? Le. Persuna b'CV eċċezzjonali fil-managemet? Le. Stilla fi proġetti simili? Le.
Taf min hu l-persuna li Konrad Mizzi selliflu tliet sptarijiet pubbliċi, jiġifieri prorpjetà tiegħek?
Raġel li fil-Kanada kien akkużat illi seraq il-flus minn karti ta' kreditu ta' klijenti tal-lukanda li kien imexxi: In-Nikita Lake Lodge.
Artiklu 60 tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-British Columbia tgħid hekk; ‘Il-kumpanija poġġiet lis-sidien kollha f’riskju sever. Qed nirreferi għal fatt li T&V...ħassru r-rekords tal-kontijiet u ħadu depożiti mill-karti ta’ kreditu mill-‘bookings’ tal-Milied...'
Kumpanija, f'kumpanija, f'kumpanija... ta' xi ħadd li ma nafux min hu
Kumpanija serja xi tkun? Tkun kumpanija li nafu ta' min hi, min qed jaqla' l-profitti minnha u li topera skont il-liġijiet tal-pajjiż.
Il-VGH kellha struttura kkumplikata għax kienet, kumpanija ta' kumpanija oħra, ta' xi ħadd - li ma nafux min hu - imma li għandu indirizz fil-British Virgin islands, post magħruf sabiex titfa' l-flus u ma turix, ħalli ma tiddikjarax u ma tħallasx taxxa, bħal Jersey, l-Iżvizzera u l-Panama.
L-Ultimate Beneficiary Owner ma kienx magħruf, għalkem Mark Pawley qal li kien hu. U allura rridu noqgħodu fuq il-kelma tiegħu.
Imma mhux hekk biss, Tumuluri kien irrapportat illi ta rigal lilu nnifsu ta' €5 miljuni. Perfomance bonus jgħidulu, f'dan il-każ rigal lilu nnifsu talli ġie, ma għamel xejn u ħarab jiġri!
Manuel Castagna, direttur f'Nexia BT - li tat il-parir biex il-Gvern jidħol f'kuntratt mal-VGH - qal illi l-istess Nexia BT m'għamlitx due diligence dwar Ram Tumuri.
Ara Nexia BT! Dan x'kien?
U la semmejna lil Nexia BT, din il-kumpanija li smajna biha f'daqqa waħda! L-istess kumpanija li x'kumbinazzjoni fetħet il-kumpaniji fil-Panama ta' Konrad Mizzi, li x'kumbinazzjoni kien il-Ministru li mexxa n-negozjati mal-VGH, li x'kumbinazzjoni baqa' responsabbli ta' dan il-proġett anke meta ma baqax Ministru, li x'kumbinazzjoni baqa' jestendi l-milestones lill-VGH biex tlesti x-xogħol, minkejja li kien evidenti li x-xogħol ma kienx qed isir!
U x'kumbinazzjoni email ta' rappreżentant ta' Nexia BT kienet tgħid li fil-kumpaniji fil-Panama ta' Mizzi u Keith Schembri kellhom jidħlu maż-żewġ miljuni f'sena, minn attivitajiet ta' skartu turiżmu.
Kemm ħallsat minn butek?
Imma int kemm kont qed tħallas lill-VGH biex din il-kumpanija suppost tagħmel xogħolha?
Kienet qed tirċievi €190,000 kuljum, jew €67.6 miljun kull sena. Mhux ċajta ta! €67,000,000, x'konna nagħmlu bihom minflok tajnihom lill-VGH?
Daqshekk ħallasna minn butna biex, skont il-Qorti, il-VGH u Steward Healthcare jagħmlu lilhom infushom sinjuri.
X'għamlu b'dawn il-flus?
Ftit li xejn minn dak imwiegħed. Kemm skont is-sentenza tal-Qorti pero' wkoll skont dak li tista' tara b'għajnejk stess.
1 - Il-Kulleġġ ta' Barts: Sar
2 - 50 sodda aktar f'Karin Grech: Ma sarux (suppost saru fl-2017)
3 - 80 sodda ta' rijabilitazzjoni fl-Isptar San Luqa: Ma sarux (suppost lesti fl-2017)
4 - Bini ġdid fl-Isptar ta' Għawdex: Ma tlestiex (suppost fl-2018)
5 - Renovazzjoni sħiħa fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex: Ma tlestiex
6 - Sodod għat-turisti f'San Luqa: Ma sarux (suppost lesti fl-2018)
U twaqqaf Kumitat jekk ma tridx!
U jekk ma tridx kien twaqqaf Kumitat biex jara li jintlaħqu dawn il-miri, kienet irrapprtat l-ILLUM lura fi Frar 2018. Kumitat li kien immexxi minn Charles Mangion.
Suċċess kbir!
Lanqas lil ħaddiema ma kienu qed iħallsu!
Minkejja l-miljuni li qalu illi se jinvestu, mhux talli ma għamlu kważi xejn milli mwiegħed talli lanqas biss kienu qed iħallsu lill-kuntratturi u lill-ħaddiema tal-IT.
Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat dan bil-kuntratturi jheddu li se jieqfu jaħdmu fuq il-proġett.
Intant it-tim tal-IT minn Ohum Healthcare abbandunaw il-proġett ukoll.
Inbiegħ b’€1 dak li sewa €3.6 miljun
U biex tkompli tgħaxxaq u biex dak li jkun iħossu aktar misruq, irriżulta li ftit qabel ma l-VGH kienu ħadu taħt idejhom dawn l-isptarijiet kien inxtara bi €3.6 miljun f'apparat ġdid.
Irriżulta - minn storja fuq l-ILLUM - li f’Ottubru tal-2013, il-Gvern ħareġ tender li permezz tiegħu xtara b’aktar minn €91,000 apparat mediku biex bejn April u Mejju tal-2014, sena biss qabel mal-VGH intgħażlu biex jieħdu f’idhom it-tmexxija tal-istess sptar, ippubblika erba’ tenders oħra u xtara tagħmir mediku li jiswa aktar minn €3.5 miljun.
Dan apparti li l-Gvern intrabat li jibqa’ joħroġ €1.8 miljun fis-sena għall-Isptar ta' Għawdex għal tagħmir.
Dan apparti li l-Gvern intrabat ukoll li jibqa' jħallas il-pagi wkoll.
Mela l-mistoqsija hija: Min seraqna? Min ħadhom dawn il-flus?
U fallew!
Dawk il-flus kollha biex finalment il-VGH ma kellhiex flus, ma setgħetx tkompli topera u bħala ringrazzjament ingħatat il-privileġġ li tbigħ il-konċessjoni lil Steward Healthcare, minflok kellha l-kuntratt itterminat u ingħatat daqqa ta' sieq 'il barra!