Il-Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg laqa’ b’mod pożittiv il-konferma tal-allokazzjoni ta’ fondi min-naħa tal-Gvern Ġappuniż biex tinfetaħ ambaxxata f’Malta.
F’Settembru 2022, il-Ministru Ian Borg iltaqa' mal-Ministru tal-Affarjiet Barranin Ġappuniż Yoshimasa Hayashi fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda filwaqt li attenda l-funeral statali tal-eks Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe, fejn waqt din l-ewwel żjara tiegħu fil-Ġappun, il-Ministru ħa l-okkażjoni biex jagħmel diversi laqgħat bil-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ dan il-pajjiż.
“Huwa ta' sodisfazzjon li l-isforz diplomatiku li sar f’dawn l-aħħar xhur sabiex titjieb ir-relazzjoni bilaterali ma’ dan il-pajjiż f’diversi oqsma beda jħalli l-frott mixtieq u konvint li bil-ftuħ tal-Ambaxxata Ġappuniża f’Malta r-relazzjonijiet bilaterali ma’ dan il-pajjiż kif ukoll il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi ħa jkollhom pjattaforma aktar b’saħħitha biex ikomplu jissaħħu fis-snin li ġejjin,” qal il-Ministru Ian Borg b’reazzjoni għal din l-aħbar.
Id-deċiżjoni tal-Gvern Ġappuniż ġiet ukoll ikkomunikata b’mod dirett lill-Ministru Borg mill-Ministru Hayashi waqt laqgħa oħra bilaterali li kellhom iż-żewġ ministri fi New York il-ġimgħa l-oħra.