L-avukati li jirrappreżentaw lill-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar ressqu rikors b'urġenza quddiem il-Qorti Kriminali jitlobu investigazzjoni fil-konfront ta' Mark Camilleri. Camilleri ilbieraħ ippubblika kopji ta' konverżazzjonijiet intimi bejn id-Deputat Cutajar u Yorgen Fenech, l-akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Din l-investigazzjoni qed tintalab biex jiġi ikkonfermat jekk dawn il-konverżazzjonijiet ittiħdux mill-evidenza tal-proċess kriminali li għaddej fil-konfront ta' Fenech. Jekk dan ikun il-każ, dan ifisser li d-dokumenti huma l-istess dokumenti "li l-Istat għandu fil-pussess tiegħu permezz ta' għodda legali mogħtija lill-Istat biex jipprevjenti u jinvestiga reati kriminali. Dan ifisser ukoll li l-Istat ippermetta li jiġu mxerrda dokumenti għal skopijiet oħra."
Filwaqt li dan ir-rikors talab għall-urġenza "minħabba l-fatt li qed jinkisru d-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata tat-terzi parti" intalab li Camilleri jiġi arrestat jekk din l-istess investigazzjoni issib li kiser ordni ta' Qorti.