“Il-liċenzjar tal-kuntratturi se jdaħħal sens ta’ dixxiplina għax jekk wieħed jonqos din tista’ tiġi revokata, bħal meta jkollok liċenzja tal-karozza.” Hekk qal il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi fil-programm Mill-Kamra.
Dan qalu fid-dawl tal-fatt illi l-ġimgħa l-oħra ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika dwar Avviż Legali, li se joffri qafas għal-Liċenzjar tal-Kuntratturi. Dan bil-għan li ssir distinzjoni ċara bejn kuntratturi serji u responsabbli fil-mod kif jaħdmu u dawk li jaħdmu mingħajr taħriġ, b’nuqqas ta’ responsabbiltà u li jistgħu jipperikolaw ħajjet il-ħaddiema tal-kostruzzjoni u persuni li jgħixu qrib is-siti.
Zrinzo Azzopardi qal illi hemm bżonn li jkun hemm standards għola, kemm fejn għandhom x’jaqsmu l-kuntratturi kif ukoll kif isir il-kostruzzjoni u l-fatt illi dawn il-liċenzji jistgħu jiġu revokati, skont il-gravità tas-sitwazzjoni, “iddaħħal sens ta’ dixxiplina. Fil-fehma tiegħi għandna bżonn.”
X’se jinbidel ?
Iċ-ċajta li xi krejn se jieħu post il-George Cross fuq il-bandiera Maltija, għalkemm hija umoristikà, mhux qed tmur wisq ‘il bogħod mill-verita, li l-krejn kważi sar simbolu Malti. Minkejja li hemm ħafna li joġubhom bini moderni, à la Hadid, il-kostruzzjoni tista’ tkun problematika jekk ma tkunx regolata.
“Jiena nifhem li hemm is-sentiment t’hemm barra dwar il-bżonn li ngħollu l-livell fil-kwalità ta’ dan is-settur. Irridu nnaqsu l-impatti negattivi tax-xogħol li jista’ jħalli fuq il-madwar filwaqt li nħarsu aktar lejn is-sigurtà tal-ħaddiema eċċ. Fl-aħħar minn l-aħħar irridu industrija aktar sigura u biex nagħmlu dan, hemm bżonn ta’ aktar edukazzjoni, taħriġ u responsabilità,” sostna Zrinzo Azzopardi.
Waqt il-programm Zrinzo Azzopardi spjega li l-uniku liċenzjar li hemm bħalissa għal persuni fil-kostruzzjoni huwa dak tal-bennejja, li ilu fis-seħħ mis-seklu 19. Naturalment pajjiżna inbidel ħafna infrastrutturalment, l-isess fejn għandu x’jaqsam id-domanda għal tipi ta’ bini differenti. “Għalkemm il-kostruzzjoni hija attività mifruxa ħafna, għal ħafna snin qatt ma kien hawn liċenzji tal-kuntratturi. Minkejja l-evoluzzjoni li kellna f’dan is-settur, qatt ma nħarġet regolamentazzjoni biex jinħarġu liċenzji għall-kuntratturi,” qal il-Ministru.
Għaldaqstant qiegħed jiġi propost li jkun hemm tliet tipi ta’ liċenzji:
- Liċenzja għal bennejja;
- Liċenzja għal kuntratturi li se jwaqqgħu xi bini u
- Liċenzja għal kuntrattur li se jagħmlu xi xogħol ta’ skavar.
Dawn jingħataw permezz ta’ Avviż Legali, maħruġ mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni. Apparti minn hekk spjega illi l-Awtorità għandha tiġi ristrutturata u magħha jingħaqad il-Kumitat Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (BICC) li twaqqfet fl-1997 meta ma kienx hemm l-BCA. Dan bil-għan li fih ilaqqa’ l-istakeholders kollha u jevalwa l-proposti kollha li jitressqu mill-Gvern, awtorità jew mis-settur privat.
Zrinzo Azzopardi ġie mistoqsi wkoll dwar dawn il-kuntratturi li issa qed joperaw mingħajr il-liċenzja u li minn dan ix-xogħol jaqilgħu l-ħobża biex tagħhom u jekk din hux se tkun mhedda bit-tibdil.
Għal dan huwa wieġeb illi l-Gvern qiegħed ifassal il-proċess dwar kif l-infustrija tkompli taħdem filwaqt li tidħol fil-prattika l-regolamentazzjoni ġdida. Qal li huwa konxju li hawn ħafna persuni tas-sengħa illi xogħolhom hu ibbażat fuq l-esperjenza aktar minn taħriġ formali. “Però maż-żmien irridu naraw ukoll kif aktar persuni jkollhom taħriġ ukoll.” Fil-fatt, ma eskludiex li fil-futur ikun hemm regoli aktar ċari dwar kwalifiċi u rekwiżiti għal-liċenzjar.
Qal illi l-Gvern qed jara illi l-liċenzjar ma jwaqqafx il-ħidma ta’ dawk li diġà qegħdin fis-settur u li mil-lum għal għada se jispiċċaw mingħajr impjieg.
“Apparti minn hekk dawn il-liċenzji se jiċċaraw l-irwoli ta’ dawn il-ħaddiema biex nifhmu r-responsabilità ta’ kull persuna. Il-perit x’inhi r-responsabilità tiegħu? Il-project supervisor x’se jagħmel? L-awtorità kif se tiddixxplina aħjar”, staqsa Zrinzo Azzopardi.