Il-proġett b'investiment ta' €5 miljuni tal-faċilitajiet għall-ġinnastika fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa miexi b’ritmu mgħaġġel u kif jitlesta se jkun ieħor mix-xogħol intensiv li qed isir f’dan il-Kumpless, biex ikun trasformat f’hub sportiv mill-aqwa.
“Hija parti mill-viżjoni tagħna li nagħmlu minn dan il-Kumpless hub sportiv, li jiġbor fih faċilitajiet għal diversi dixxiplini sportivi u tal-aqwa livell,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt żjara tax-xogħol li qed isir. Huwa kompla jgħid li, “din hija viżjoni li qed inwettquha u li permezz tagħha qed nimmiraw li pajjiżna jkollu faċilitajiet sportivi ta’ standards internazzjonali li jservu ta’ sisien għall-industrija tal-isport li tattira wkoll investiment lejn pajjiżna.”
Dan huwa proġett ieħor minn lista ta’ proġetti ta’ infrastruttura sportiva li qed isiru madwar il-gżejjer, f’faċilitajiet ta’ ġinnastika li mhux biss jinkludu sala għal din id-dixxiplina sportiva, imma kumpless li se jkollu wkoll postijiet addattati biex assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi jkollhom uffiċini fejn jiltaqgħu u jammistraw il-ħidma tagħhom. Il-Kumpless se jkollu sala li tesa’ madwar 300 spettatur, faċilità għall-ġinnastika artistika; u faċilitajiet anċillari fosthom board room, changing rooms u showers.
Ftit tal-ġimgħat ilu kien inawgurat proġett ieħor fil-Kumpless tal-Marsa, l-iżvilupp u r-rinovar tal-Matthew Micallef St John Athletics Stadium b’investiment ta’ €2.5 miljun, proġett li beda sena ilu u tlesta fi żmien rekord u huwa parti minn investiment ta’ €9 miljun li permezz tiegħu qed jinbidel il-Kumpless Sportiv tal-Marsa għal wieħed tal-ogħla livell.