Il-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) issostni li l-Gvern qalilhom li ma hemmx biżżejjed flus għalihom wara s-saga tal-konċessjoni ta' Steward Health Care Malta. Il-President tal-MUMN Paul Pace qal illi l-infermiera u l-qwiebel, "dawk li baqgħu jaħdmu għall-marid waqt il-Covid-19", flimkien mal-pazjenti huma l-vittmi tas-sitwazzjoni u ħadd aktar. Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarjiet quddiem Kastilja, il-Belt Valletta.
Il-Unjin ressqet numru ta' miżuri biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-membri tagħha. Dawn jinkludu pensjonijiet ogħla u inqas intaxxar fuq is-sigħat maħduma bħala overtime. Minkejja dan, il-Gvern ċaħad dawn it-talbiet għax dawn kienu se jiswew miljuni ta' ewro mit-taxxi tal-poplu.
Dan ma niżilx tajjeb ma' Pace, li f'kumment li ta lil MaltaToday qal, "jien kont nispera li jekk verament kellna Gvern umli, kien jiġi hu bl-inċentivi u l-flus. Dan mhux biss bħala apprezzament imma biex inħajjru liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex jidħlu infermiera. Minfuq, ilna bil-laqgħat minn Awwissu u kull ma ġabulna kienu żewġ karti tal-misħtija."
Meta ressaq dawn il-proposti Pace, qal li l-Gvern kien staqsa kif l-infermiera se jikkontribwixxu lura għall-flus li se jingħataw imħallsa mill-poplu. Għal Pace, dan huwa insult. "L-aktar ħaġa li dejqitna kienet li qalulna li l-infermiera mhumiex jagħmlu biżżejjed mal-marid. Liem pajjiż u Gvern jgħid hekk lill-infermiera tiegħu li bħalissa qed jagħmlu l-miraki? Minflok aprezzament jinsulentawhom," kompla Pace. Irrimarka wkoll li l-Gvern ma staqsiex lil Steward x'kienu se jagħtu lura lill-poplu.
Bħalissa aktar minn 4,000 infermiera u qwiebel qed jipparteċipaw f'azzjonijiet industrijali u jidher li mhux se jintemmu mil-lum għall-għada. Fil-fatt meta mistoqsi dwar dan huwa qal li d-dewmien tal-azzjonijiet jiddependu mill-Gvern. "Aħna m'għamilniex bħall-Ingilterra u waqqafna s-servizz għal kollox. Mhix ix-xewqa tagħna li nagħmlu azzjoni industrijali iżda jekk il-Gvern se jkompli jwebbes rasu u ma jinvestix fiż-żgħażagħ, mela se jkollna nagħmlu dak li ma rridux nagħmlu," żied Pace.
Huwa temm jgħid illi xi darba jew oħra kulħadd se jiġi bżonn is-servizz tas-saħħa u għaldaqstant appella biex il-poplu jingħaqad f'solidarjetà mal-infermiera u qwiebel.
'Aġixxu b'kawtela u assiguraw li l-pazjenti ma jiġux affettwati'
Intant b'reazzjoni għal dan, l-Uffiċċju tal-Ombudsman fi stqarrija qal illi jirriikonoxxi d-dritt fundamentali tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, inkluż l-infermiera u l-qwiebel, li jissieħbu f'azzjoni industrijali bħala mezz biex jesprimu l-ilmenti tagħhom u jfittxu riżoluzzjonijiet ġusti.
Fl-istess waqt iħeġġeġ lill-Ministeru għas-Saħħa u lill-MUMN biex jaġixxu b'kawtela u jassiguraw li l-pazjenti ma joġux affettwati bla bżonn, mill-azzjoni industrijali. "Il-ġid tal-individwi li jiddependu fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa Maltija għall-kura u l-appoġġ meħtieġ għandu jitqies bħala priorità ewlenija għall-partijiet kollha ikkonċernati."
Għaldaqstat dan jappella liż-żewġ partijiet biex jidħlu fi djalogu mitfuħ u kostruttiv biex isolvu l-kwistjonijiet involuti biex jinidirizzaw it-tħassib u jinstabu s-soluzzjonijiet filwaqtl li jiġi żgurat li s-servizz jingħata mingħajr xkiel.
Fl-aħħar tal-istqarrija l-Uffiċċju tal-Ombudsman saħaq li se jkompli jara l-iżvilupp ta' din is-sitwazzjoni u jkun lest li joffri kwalunkwe assistenza meħtieġa biex jiffaċilità reżoluzzjoni ġusta u f'waqta tat-tilwin, filwaqt li jiżgura li l-interessi tal-partijiet interessati jkunu rappreżentati b'mod ekwu.