Ilbieraħ il-Gvern daħħal ir-risposta dettaljata tiegħu għall-mandat ta' inibizzjoni ta' Birdlife Malta hekk kif il-ġurnata ta' qabel intlaqgħa proviżorjament mill-Qorti.
Nhar it-Tnejn li għadda BirdLife Malta ressqet talba għall-ħruġ ta' mandat ta' inibizzjoni fil-Qorti kontra l-Gvern bl-iskop li twaqqfu milli joħroġ l-avviż legali li permezz tiegħu jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa għall-Gamiema. BirdLife Malta argumentat li l-inibizzjoni hu simili għal dak li tressaq is-sena li għaddiet. Il-Kap Eżekuttiv ta' BirdLife Malta Mark Sultana qal illi mingħajr ebda dubju, "l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-gamiem f'Malta jmur kontra d-Direttiva dwar l-Għasafar tal-UE, li titkellem ċar li l-kaċċa fir-rebbiegħa hija illegali." Huwa fakkar ukoll illi l-istatus tal-Gamiema huwa vulnerabbli.
Il-Gvern argumenta li ma hemm ebda dubju li r-rekwiżiti għall-ħruġ tal-mandat ma ġewx sodisfatti u konsegwentement, talab li l-Qorti għandha tiċħad it-talba. Apparti minn hekk, permezz tar-rikors, il-Gvern talab ukoll lill-Qorti biex tordna s-smigħ ta' dawn il-proċeduri jsiru f'data aktar viċin u ferm qabel it-18 ta' April, 2023.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fi stqarrija sosta li "l-ebda manuvra m'għandha iċċaħħad dak li l-poplu Malti u Għawdxi ivvota għalih. Dak li huwa tagħna, irid jibqa' tagħna."