Intervista | ‘Ma nistgħux inżommu lil Għawdex presepju... L-iżvilupp se jsir’
‘Aktar serq, aktar kriminalità, aktar żvilupp u inqas servizzi tas-saħħa.’ Hekk jaħseb il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Alex Borg. Imma possibbli ma hemm xejn tajjeb? L-ILLUM tistaqsih dwar il-kuntratt tal-VGH, il-viżjoni tiegħu għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-ambizzjonijiet politiċi tiegħu, fost oħrajn
minn Anthea Cachia
Il-ġimgħa li għaddiet l-ILLUM intervistat wiċċ ġdid fil-Grupp Parlamentari Laburista u din id-darba, il-gazzetta ħarset lejn in-naħa l-oħra tal-Kamra. Ġdid, Għawdxi, żagħżugħ u minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-VGH... Niltaqgħu mal-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg. Fost it-temi li iddiskutiet, l-ILLUM tistaqsih fuq il-konċessjonijiet tat-tliet sptarijiet, l-infurzar u l-iżvilupp f’Għawdex u l-ambizzjonijiet tiegħu politiċi. U xi darba... Se narawh bħala mexxej tal-Partit Nazzjonalista?
‘Il-konċessjoni kienet premeditata: Jakkwistaw kemm jifilħu u ma joffrux servizz lura’
Bla ebda dubju din il-gazzetta ma setgħetx ma tistaqsix fuq il-kuntratt tal-VGH/Steward. Borg, filwaqt li kien voċiferu fuq dan il-kuntratt - iddikjarat null – kien dejjem wara l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u Deputat Adrian Delia, li kien il-kaptan biex din il-battalja tintrebaħ.
L-ILLUM tagħmel referenza għall-appell tal-PN li tintrefa’ responsabilità politika. Imma xi tfisser responsabilità? Kif se ssir ġustizzja? Riżenji u arresti?
Borg ifakkar li s-sentenza tal-Imħallef Francesco Depasquale hija waħda storika għal pajjiżna u li l-kuntratt li sar kien mill-bidu nett ivvizzjat. “Kważi, kważi tista' tgħid li kien premeditat min-naħa ta' Steward u Vitals. Kien hemm l-intenzjoni ħażina li se joffru servizz lill-poplu imma daħlu bl-għan li jakkwistaw kemm jifilħu flus minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi,” kompla Borg.
Spjega li hemm miljuni ta’ flus imħallsa mit-taxxi tal-poplu fin-nofs u huwa għalhekk li l-Oppożizzjoni qed titfa’ pressjoni biex tintrefa’ responsabilità politika. L-ILLUM terġa’ tistaqsi dwar kif għandha tintrefa’ din ir-responsabilità li tant qed jappella għaliha.
“Jekk Steward naqsu mill-obbligi tagħhom u ħadu dawn il-flus aħna qed nitolbu li tinġarr ir-responsabilità. Għalhekk qed nagħmlu pressjoni fuq il-Gvern u l-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà biex jieħu l-passi kriminali kontra minn jista' jkun responsabbli biex issir verament il-ġustizzja f'dan il-każ,” tenna Borg. Ta’ min infakkru li l-Prim Ministru Robert Abela għamel talba lill-Awditur Ġenerali biex jagħmel analiżi tal-ħlasijiet u s-servizzi li ngħataw lil Steward, biex fejn hemm x’jirkupra l-Gvern – jekk ikun hemm – ikun jista’ jagħmel dan.
L-ILLUM terġa’ tistaqsih x’tip ta’ responsabilità qed jesiġi li tintrefa’ u jwieġeb li qabel ma ssir investigazzjoni biex jiġi magħruf min verament iffaċilità jew kien responsabbli għal dan “is-serq sfaċċat” tal-poplu, huwa għalxejn li wieħed jgħid min kien ħati u min irid jirreżenja jew le.
“Però, iva, il-Gvern għen biex Vitals u Steward komplew jisirqu l-miljuni,” żied Borg. Huwa fakkar ukoll li huwa verament importanti li jittieħdu l-passi neċessarji biex “dawk li serqu l-miljuni jerġgħu jirritornaw il-flus” u jagħmlu l-investiment li ġie imwiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Qal li fl-aħħar minn l-aħħar dawn il-flus ittieħdu mit-taxxi u minflok marru għand Steward setgħu jintużaw għal skopijiet tajba, ta’ saħħa. Hawn qajjem il-punt li fejn jirrigwardja l-poplu Għawdxi, ġie imwiegħed sptar b’400 sodda, state of the art, b’servizzi tajbin, “imma ma sar xejn.”
Kompla jgħid li kellu l-opportunità li jitkellem ma’ paramediċi li infurmawh li l-ambulanza qed taqsam bejn Malta u Għawdex tliet darbiet kuljum għax mhux kull servizz huwa offrut fl-isptar.
‘Is-servizzi tas-saħħa mhux dritt ta’ persuna biss imma obbligu tal-Gvern’
Huwa stat ta’ fatt li l-investimenti li kellhom isiru, ma sarux jew ħafna minnhom ma sarux. Alex Borg x’bidliet irid jara fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?
“Hemm ħafna xi jsir. L-Isptar preżenti m’għadux adegwat għas-servizzi li jinħtieġu llum,” qal id-Deputat Nazzjonalista. Spjega li waħda mill-aktar affarjiet bażiċi li għandhom jiġu introdotti huma l-MRIs u tipi differenti ta’ kimoterapija. “Għaliex pazjent għandu jkollu l-iskariġġ żejjed, apparti l-qagħda ta’ saħħtu li jmur Malta għal dawn is-servizzi?” staqsa Borg. Qal li żgur u mhux forsi li dawk il-pazjeni li għandhom il-kanċer diġà jkunu għaddejjin minn sofferenza u m’hemmx għalfejn ikollhom inkonvenjent ieħor li joqgħodu jaqsmu bejn Malta u Għawdex.
Filwaqt li tenna li hemm ħafna x’jista’ jsir jemmen li qabel kollox irid ikun hemm ir-rieda politika biex dawn u affarjiet oħra jiġu introdotti. Lil hinn minn hekk huwa għamel referenza għall-infrastruttura u li hemm bżonn ta’ modernizzar.
“Jekk ikun hemm l-investiment li ġejna mwegħda, żgur li l-Għawdxin se jiggwadanjaw, għax is-servizzi tas-saħħa mhumiex dritt tal-persuna biss iżda obbligu tal-Gvern li jiggarantiha lil poplu,” insista Borg.
‘Ma tirrikonoxxix li l-proġett ta’ Barts kien ta’ suċċess?’
Tajjeb li nfakkru li l-iskola medika Barts, fetħet kampus f’Għawdex biex l-istudenti jitħarrġu għal karrieri fi ħdan is-settur tas-saħħa. Dan il-kampus kien mibni minn Steward Malta. Filwaqt li l-kritika hija tajba, Borg ma jirrikonoxxix li dan il-proġett kien ta’ suċċess?
Sostna li fejn hu tajjeb ma jgħidx li huwa ħażin u li l-iskola tal-Barts kien proġett tajjeb li ħalla investiment ugwalment tajjeb f’Għawdex. Tant hu hekk illi qal mal-ILLUM li għandna nibqgħu naraw investimenti simili biex l-Għawdxi jibqa’ jiggwadanja, mhux biss minn investimenti, iżda wkoll min-niċċa ġdida ta’ turiżmu.
“Naċċetta u nħoss li l-Oppożizzjoni għandha tfaħħar dan il-proġett, però għandna nkomplu naraw investimenti simili ġewwa Għawdex,” qal Borg.
‘Id-demografija f’Għawdex imbidlet: Aktar barranin, serq u kriminalità’
L-ILLUM tfakkar lil Borg f’eżerċizzju li kienet wettqet l-ILLUM meta f’ġurnata sajfijja marret Marsalforn u tkellmet mar-residenti u sidien ta’ negozji. Li kieku din il-gazzetta ma telgħetx għall-għarrieda konna naħsbu li ftehmu bejniethom għaliex tkellimna ma’ min tkellimna, kulħadd qal l-istess li Marsalforn m’għadux sigur. “In-nies ma għadhomx jinżlu.” “Id-droga timxi fuq l-idejn, ġlied u nies fis-sakra.” “Lanqas fit-tfal ma tista’ tafda,” qalulna uħud mir-residenti ta’ Marsalforn.
Dakinhar ukoll is-sidien u r-residenti, minħabba s-sitwazzjoni li kienu qed iħabbtu wiċċhom magħha ta’ kuljum, saħqu li l-infurzar kien minimu għall-aħħar. Għaddew tmien xhur, kien hemm progress?
Borg sostna li fl-aħħar xhur ġiet innotata żieda kbira f’serq u kriminalità f’Għawdex. Dan Borg jattribwih għall-bidla “fid-demografija. Influss ta’ barranin u Maltin li qed jgħixu Għawdex. Kien hemm bidla fil-mentalità u bdejna naraw kriminalità. Għaldaqstant nemmen li hemm bżonn ta’ aktar serjetà fejn għandha x’taqsam is-sigurtà u nemmen li l-Korp għandu jikber biex jibbilanċja ż-żieda fil-kriminalità.”
Huwa irrimarka li kien hemm progress ukoll. Fil-fatt ġewwa Marsalforn ġew installati 10 kameras ġodda li jistgħu jiġu immonitorjati mill-għassa tar-Rabat. Qal ukoll li kien hemm żieda ta' sorveljanza mill-pulizija. Irrimarka b’pożittività wkoll li meta għamel pressjoni għaliex f’Għajnsielem u fix-Xewkija kien hemm żieda fis-serq “niżlet patrol car oħra ġewwa Għawdex u saħansitra kien hemm patrol car apposta f’dawk l-akkwati.”
Madankollu jgħid illi filwaqt li kien hemm żieda fil-preżenza tal-pulizija b’mod ġenerali, ma jħossx li dan huwa biżżejjed.
“Għamilt mistoqsija Parlamentari minħabba għajdut li l-iskawdra tas-CID, li tiġġieled id-droga, kienet se tingħalaq f'Għawdex. Fil-fatt il-Ministru Byron Camilleri la ikkonferma u lanqas ċaħad. Iva s-CID se tingħalaq biex tinfetaħ skwadra oħra li tagħmel servizzi simili però mhux iddedikata speċifikament fuq id-droga,” qal Borg.
Kompla jgħid li biż-żieda ta’ drogi fil-gżira Għawdxija, mhux jingħalaq is-CID kien hemm bżonn, iżda isir aktar investiment fiha biex ikun hemm aktar sigurtà u monitoraġġ biex jiġġieldu kontra d-droga. Apparti minn hekk huwa żied jgħid li l-Għawdxin ilhom is-snin jitlobu għat-tielet spettur però din qatt ma tiġi attwata.
“Meta niġu għas-sigurtà ġejna meqjusa tat-tieni klassi. Għawdex għandu jiġi meqjus bħala distrett differenti minn Malta,” sostna d-Deputat.
L-ILLUM tmur lura għal dak li qal dwar id-demografija u twaqqfu. Tgħidlu illi wieħed ma jistax jattribwixxi reati fuq gruppi partikolari u tistaqsih jekk hux qed jimplika li għandhom jitkeċċew lill-barranin jew il-Maltin minn Għawdex.
Huwa jwieġeb fin-negattiv u jisħaq li huwa importanti li Għawdex ikun ipperparat għal kull eventwalità. Qal li jekk wieħed iħares lejn l-istatistika, ir-residenti dejjem jiżdiedu u l-pulizija dejjem jonqsu. “Il-Pulizija trid tipprepara biex tkun tista’ tlaħħaq mal-bidliet fid-demografija Għawdxija.”
‘Ma nistgħux inżommu lil Għawdex qisha presepju’
Din l-intervista issa ddur fuq il-kostruzzjoni, li f’Għawdex qed tfeġġ aktar minn qatt qabel. Borg jemmen li filwaqt li l-gżira tat-tliet għoljiet għandha karatteristiċi uniċi, imfittxija mill-barranin u anke Maltin, din ukoll trid tiżviluppa maż-żmien, tant li jemmen li lil Għawdex ma nistgħux inżommuha qisha presepju.
Insista li l-iżvilupp ma jistax jieqaf għax is-soċjetà trid timxi maż-żminijiet, iżda min-naħa l-oħra jemmen li għandu jintlaħaq bilanċ biex l-iżvilupp li jsir ikun sostenibbli, kif suppost u “bis-sens.”
Imma xi jfisser biha ‘bis-sens’? L-ILLUM tirrimarka li dan il-kliem li qed jgħid hu mhux talli mhu xejn ġdid talli kull politiku Għawdxi qablu, Nazzjonalist jew Laburist qalu. Mela Alex Borg bħala politiku ġdid, qed joffri xi ħaġa ġdida?
Spjega li l-policies li hemm preżentament mhumiex tajbin u ma jirriflettux il-ħtiġijiet ta’ llum. Jgħid li f’Għawdex jistgħu jinfetħu parks għall-familji u ta’ rikreazzjoni fejn ma jkunx hemm biss bini u konkrit “u mhux bħal Malta nibnu bl-addoċċ mingħajr ma nagħmlu ebda pjan fit-tul. Malta hemm ħafna rħula li ntilfu qalb il-bini imma Għawdex għad baqalna ċ-ċans insalvawh billi nagħmlu din il-policy li tħalli l-investituri jibnu però jibnu b'ċertu mod li ma jagħmilx ħsara lil karatteristiċi tradizzjonali.”
‘It-tort mhux tal-investitur imma tal-Awtorità tal-Ippjanar’
L-ILLUM terġa’ twaqqfu u tpinġilu xenarju. Mara tkun werrieta ta’ biċċa art, li biha tista’ tibni blokka flats u jkollha sors tajjeb ta’ investiment, jew inkella jistgħu jgħixu fihom uliedha biex ittaffilhom il-piż ikkawżat mis-suq tal-proprjetà. Borg se jwaqqfilha d-dritt li tagħmel dan?
Huwa irribatta li ma jagħtix tort lill-investituri li jridu jibnu, iżda tort lill-awtorità li ma tinforzax kontroll permezz ta’ policies. “L-iżviluppatur jekk għandu għalqa u l-awtorità jagħtih permess biex jibni disa’ sulari ngħidlu, go ahead ibnihom. Għalhekk għandna bżonn ta’ policy biex sitwazzjonijiet bħal dawn nevitawhom,” qal Borg.
L-ILLUM tgħidlu li dan huwa kontradittorju għax jekk se tgħid lill-awtorità biex twaqqaf dan it-tip tal-iżvilupp mela allura l-iżviluppaturi se jkun qed iwaqqafhom ukoll. Għal dan iċċara u qal li għallinqas, il-bini li jinbena ma jtappanx l-identità Għawdxija. Jiena nwaħħal fil-PA mhux l-iżviluppatur. L-iżviluppatur l-għan tiegħu huwa li jagħmel il-flus u jibni u jkompli għaddej bl-investiment tiegħu.”
‘Ma neskludix interess għall-kariga ta’ Kap, jekk fil-futur jinfetħu bibien’
Fl-aħħar ta’ din l-intervista l-ILLUM tistaqsi dwar l-ambizzjonijiet ta’ Borg fil-ħajja politika.
Id-Deptutat jinsisti li l-għan tiegħu preżentament huwa li jkomplu jiġġieled f’isem il-poplu. “Din tal-Vitals tat tama lil partitarji nazzjonalisti u lil-laburisti ġenwini li sforz l-iskandli fl-aħħar xhur ħassewhom imxebba’ u orfni,” kompla Borg.
Huwa temm jgħid li l-poplu lilu tah mandat b’saħħtu biex ikompli jaħdem għalih u ma eskludiex li ‘l quddiem jidħol għar-responsabilità ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista jekk fil-futur jinfetħu bibiem, “però bħalissa għandna lill-Kap Bernard Grech u lil Adrian Delia, li qed jaħdmu id f’id.”