Il-Kabinett approva t-tfassil ta’ reġistru għal min jinsab ħati li abbuża persuni b’diżabilità.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli, li se tkun qed tpoġġi l-leġiżlazzjoni neċessarja quddiem il-Parlament. Hija stqarret li kull dar għall-persuni b’diżabilità għandha tkun obbligata li tagħmel użu minn dan ir-reġistru qabel timpjega persuna.
Dan ir-reġistru se jkun qed jaħdem b’mod simili għar-reġistru ta’ persuni ħatja ta’ reati sesswali.
Il-ħtieġa għal dan ir-reġistru nħasset wara li qed jiġi nvestigat każ f’Dar Arka f’Għawdex, fejn żewġ ħaddiema qed jiġu investigati li abbużaw resident b’diżabilità, liema ħaddiema ġew sospiżi.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dan ir-reġistru għandu jżid il-protezzjoni tar-residenti f’dawn id-djar. Hija stqarret li ma jagħmilx sens li l-Qorti ssib persuna ħatja ta’ abbuż fuq persuna b’diżabilità, u l-persuna xorta waħda tkun tista’ ssib xogħol fl-istess settur.
Spjegat ukoll li apparti minn hekk, id-djar għall-persuni b’diżabilità tal-Gvern qed jibdew jintroduċu cameras tas-CCTV f’żoni komuni, filwaqt li l-Awtoritá għall-Istandards fil-Kura Soċjali qed tirrevedi l-politika tagħha f’dan ir-rigward.
Julia Farrugia Portelli stqarret li x-xogħol tal-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur mhux wieħed faċli, hekk kif iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet delikati kuljum. Tenniet li dan ir-reġistru għandu jelimina xi possibilitajiet ta’ abbuż.