L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina fis-Saħħa Publika (MAPHM) issostni li hija imħassba sew bis-sitwazzjoni kurrenti u n-nuqqas ta' riżorsi fiċ-ċentri tas-Saħħa u fl-Isptar Mater Dei. Hija tagħmel referenza għar-rapporti ta' numru sostanzjali ta' pazjenti li qed imorru l-Isptar minħabba kumplikazzjonijiet ta' saħħa relatati ma' sħana estrema li esperjenzajna f'dawn il-ġimgħat. Għaldaqstant issostni illi "ma nistgħux niffukaw fuq it-tkabbir ekonomiku għad-detriment tas-saħħa u l-benesseri tal-poplu. Din hija kwistjoni li l-MAPHM ilha tħambaq fuqha."
Kien għalhekk li għamlet referenza wkoll għall-kriżi tal-enerġija u qtugħ tad-dawl kostanti. Qalet illi bil-problema tat-tibdil fil-klima u żieda fil-popolazzjoni, wisset li l-pajjiż għandu bżonn li jkollu pjan ċar, urġenti, biex jeżamina u jtejjeb l-kapaċità tal-infrastruttura biex jilqa' għal dawn il-fatturi. "It-trasport diġà huwa problema nazzjonali li qed inħabbtu wiċċu miegħu ta' kuljum, issa żidna l-elettriku u s-saħħa mal-lista," qalet l-Assoċjazzjoni. Dan filwaqt li sostniet li fil-futur, mingħajr azzjoni konkreta, jista' jkollna impatt fuq setturi oħra importanti b'impatt ikbar fuq l-għixien u s-sigurtà b'mod ġenerali.
B'hekk tenniet illi bħala pajjiż irridu nippreparaw ruħna biex nimmitigaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, iż-żieda fil-popolazzjoni u li jkun hemm attenzjoni speċjali fuq l-ambjent, is-saħħa, l-enerġija, l-ambjent - mibni u naturali, it-trasport u l-benesseri fost oħrajn.
L-MAPHM turi l-apprezament tagħha lejn il-ħaddiema tas-saħħa kollha li qed jipprovdi kura kruċjali f'dan il-perjodu ta' sfida li qed tħalli numru ta' persuni f'qagħda kritika. Apparti minn hekk l-Assoċjassjoni qalet illi se tibqa' kommessa li tagħti s-sostenn lill-awtoritajiet u tisħaq fuq strateġiji effettivi bil-għan li jiġu ikkunsidrati bħala pjanijiet fit-tul u sostenibbli.