'L-ebda partit m'hu jirrappreżenta lill-pubbliku' fost ir-reazzjonijiet għas-sondaġġ tal-MaltaToday
Fis-sondaġġ li ġie ppublikat il-Ħadd 23 ta’ Lulju mill-MaltaToday, il-Partit Nazzjonalista jinsab fil-vantaġġ għall-ewwel darba fi 15-il sena. Dan wara li l-PL tilef ammont sostanzjali ta' voti, għalkemm Robert Abela għadu jgawdi vantaġġ ta' 12.4% fuq Bernard Grech. 22.6% qalu li mhux se jivvotaw. L-ILLUM avviċina lil erbgħa għaqdiet għal kumment.
minn Shaban Ben Taher
Moviment Graffiti
Andre Callus, attivist f’isem l-għaqda Moviment Graffiti, qal li kien hemm diversi fatturi li wasslu għal dan ir-riżultat. Huwa beda billi jgħid illi “il-Gvern Laburista dejjem żamm il-vantaġġ abbażi ta’ tkabbir ekonomiku qawwi li ppermettilu jogħġob lil Alla u lix-xitan, kif ukoll b’ċerti mezzi bħall-klijenteliżmu politiku, però qatt ma indirizza ċertu problemi.”
Żied ukoll li t-tkabbir ekonomiku bla rażan mhuhiex sostennibbli, għalhiex jikkawża sfidi ġodda li l-infrasstruttura ma tiflaħx għalihom. Il-poplu baqa’ jappoġġja lill-Partit Laburista minħabba, fost affarijiet oħrajn, il-benefiċċji li tqassmu mill-Gvern, iżda issa l-poplu qiegħed isir aktar konxju tal-problemi strutturali li qiegħed jaffaċċja l-pajjiż.
“Dawn il-kwistjonijiet jinkludu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi baxxi f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja, u l-abbużi li jsiru fuq il-ħaddiema minn min jimpjega. Eżempju ċar ta’ dan huwa l-industrija tal-kostruzzjoni, fejn tul is-snin kien hemm diversi każijiet ta’ persuni impjegati illegalment u li ma tħallsux, nuqqas ta’ miżuri ta’ saħħa u sigurta’, kif ukoll inċidenti.”
“It-traġedja ta’ Jean Paul Sofia ukoll setgħet ġiet evitata, kieku sejħiet sabiex is-settur jiġi regolat permezz ta’ miżuri bħal-liċenzjar tal-kuntratturi ingħataw widen minn qabel. Minflok, dawn ġew imxejjna mill-lobby tal-iżviluppaturi. Il-problema tal-qrubija bejn in-negozji l-kbar u l-politika tibqa’ waħda mill-akbar problemi li għandu pajjiżna, u l-klassi politika ma tridx tindirizzaha, b’konsegwenzi fuq ħajjitna.”
“Kwistjoni oħra li Moviment Graffiti dejjem kienu minn ta’ quddiem biex jitkelmu fuqha iżda l-Gvern naqas milli jindirizza hija l-ambjent.”
Callus jgħid li jħoss li l-Partit Laburista tilef l-identita’ tiegħu, u l-iskop għalfejn twaqqaf, minħabba m’għadux partit tal-ħaddiem iżda sar jiffavorixxi n-negozzjant.
Meta mistoqsi fuq in-numru ta’ nies li rrispondew li mhumiex se jivvotaw, Callus qal li din mhix ħaġa neċessarjament negattiva. Huwa jemmen li, s’issa, din mhix riflessjoni ta’ soċjeta’ li għandha apatija lejn dak li qiegħed jiġri madwarha, iżda riflessjoni ta’ soċjeta li aktar ma jmur aktar qed issibha diffiċli sabiex tirrelata mal-partiti politiċi l-kbar. Din hija bidla radikali bżonnjuża f’pajjiż fejn in-numru ta’ nies li jivvotaw dejjem kien għoli, iżda li kienu jivvotaw b’mod tribali. “Issa jidher li l-ħakma taż-żewġ partiti fuq is-soċjeta’ Maltija bdiet tonqos.”
Żied illi li ma tivvotax hija mod ta’ kif tesprimi kif tħossok. Madanakollu, din issir ħaġa negattiva kieku għal tul ta’ żmien, porzjon sostanzjali tal-poplu jitlef l-interess kompletament u jaqa’ f’apatija.
Meta mistoqsi fuq jekk jarax possibilta’ ta’ partit ieħor elett fil-Parlament, Callus wieġeb li jara potenzjal, partikolarment meta tqis il-perċentwal ta’ nies li wieġbu li mhux ser jivvotaw. Madanakollu, il-partiti ż-żgħar għadhom mhux qed jiġbdu l-appoġġ ta’ dawn il-votanti u jattirawhom lejhom.
Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħazagħ
Il-KNŻ beda billi għamel enfasi fuq in-newtralita’ li dejjem żamm. Żied li il-PL ilu 10 snin fil-Gvern u għalhekk hija ovja li se jkun hemm ċertu nuqqasijiet. Dawn jinkludu dawk li kienu prevalenti tul dawn l-aħħar ġimgħat, fosthom it-talba għal inkjesta pubblika fuq il-każ ta’ Jean Paul Sofia u problemi fil-provisti tad-dawl.
Rigward għalfejn hemm porzjon sostanzjali ta’ persuna li rrispondew li mhux se jivvotaw fl-elezzjoni li jmiss, il-KNŻ wieġeb li jħoss li għax “l-ebda partit m’hu jirrappreżenta verament lill-pubbliku. Il-partiti li għandna m’humiex jaddattaw għaż-żminijiet.” “Għadhom jaħdmu b’sistema fejn jattrattaw biss il-hardcore voters, u mhux il-floating voters,” sostna l-Kunsill. Żewġ fatturi oħrajn huma li hemm ukoll nuqqas ta’ fidi fiż-żewġ partiti l-kbar, kif ukoll Oppożizzjoni li mhix b’saħħitha biżżejjed biex tattira votanti li ntilfu mill-PL.
Meta mistoqsi fuq il-possibilita’ li naraw partit ġdid fil-Parlament, il-Kunsill stqarr li jara potenzjal. Dan għalhiex m’hemmx għażla bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Pero’, hemm problema fejn il-PL u l-PN għandhom monopolju fuq il-midja, li jwassal sabiex partiti żgħar u kandidati indipendenti ikunu żvataġġjati fit-tip ta’ pjattaforma li jingħataw. Skont il-Kunsill, hemm bżonn li dawn jingħataw aktar esposizzjoni. Il-gender quota ukoll qed tagħmilha aktar diffiċli sabiex dawn jiġu eletti. Barra minn hekk, hawn nuqqas ta’ ħsieb kritiku fis-soċjeta’, għalkemm din hija sitwazzjoni li tidher li qiegħda tinbidel.
Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN)
L-MŻPN stqarr li “Sondaġġ huwa biss sondaġġ, jagħti indikazzjoni ta' kif qed iħossu l-poplu fil-mument meta jsir, avolja dejjem nagħtu kashom, finalment ma jkun ifisser xejn. “
“Però juri biċ-ċar trend li f'dawn l-aħħar sondaġġi ta' kwalunkwe gazzetta, il-PL qed inaqqas drastikament fl-appoġġ bid-distakk dejjem jonqos. Juri biċ-ċar li n-nies qed jiddejqu bil-Labour fil-Gvern. Dan ifisser li aktar minn qatt qabel, il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli joffri tama u alternattiva b'saħħitha lill-poplu Malti u Għawdxi kollhu.”
Il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL), Georvin Bugeja
Bugeja innota li “ir-riżultat tas-sondaġġ tal-MaltaToday kien differenti minn dak ippubblikat mit-Times of Malta, fejn għalkemm il-PL tilef il-voti, xorta waħda għadu jgawdi vantaġġ ta’ 18, 000 vot. Personalment, minix ċert għalfejn hemm daqshekk diskrepanzja f’żewġ sondaġġi maħdumin fl-istess perjodu.”
Huwa żied li “Fiż-żewġ sondaġġi, Robert Abela għadu jgawdi vantaġġ fuq Bernard Grech, tant li s-sondaġġ tal-MaltaToday stess juri li l-popolarita’ ta’ Abela żdiedet tant li qiegħed igawdi vantaġġ ta 12.4% fuq Grech. Grech naqqas milli jżid il-popolarita’ tiegħu, anke f’mumenti kontroversjali fejn messu kellu pożizzjoni aktar b’saħħitha bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni. Madakollu, is-sondaġġ huwa riflessjoni tal-ħsieb tal-elettorat fil-mument, u naħseb li hija essenzjali li l-PL jipproċedi b’umilta’ u riflessjoni.”
Meta mistoqsi għalfejn in-numru ta’ nies li qalu li mhux se jivvotaw hu daqshekk għoli, Bugeja stqarr li “Hija essenzjali li l-PL jifhem dan il-messaġġ u jieħu miżuri sabiex ikun eqreb tal-elettorat. Hemm bżonn li jkompli jikkomunika b’mod apert il-viżjoni tiegħu, partikolarment maż-żgħażagħ. Dan għalhiex huma għandhom l-ideat u l-viżjoni għall-futur tal-pajjiż, u kapaċi jmexxuh lejn aktar progress u properita’. Il-PL inħoloq sabiex jissalvagwardja l-interess tal-ħaddiem u jiġġieled għal riformi soċjali u ekonomiċi, kif se jkompli jagħmel, għalhiex l-ebda partit konservattiv ma jista’ jġib dawn it-tip ta’ bidliet.”
Bugeja qal li flok ma jikkummenta fuq sitwazzjonijiet ipotetiċi, jipreferi li jara aktar dibattiti fuq is-sistema elettorali inġenerali. Partikolarment, għamel referenza għal jekk għandnheix niprovaw sistemi elettorali ġodda, kif ukoll jekk Membri Parlamentari għandhom ikunu full-time, kif se natrattaw nies minn sfondi differenti, u kif nistgħu nimmodernizzaw is-sistema Parlamentari sabiex tirrifletti it-teknoloġija u l-bżonnijiet soċjali tal-lum.
Bugeja temm billi jgħid li “Is-sena l-oħra, il-poplu avda lil Robert Abela u l-PL fil-Gvern għal terminu ieħor sabiex iwassal għal futur u kwalita’ ta’ ħajja aħjar. F’sena, diġa rajna ħafna wegħdiet elettorali jitwettqu. Irridu nibqgħu iffokati fuq li nwettqu li wiegħdna, li nżommu subghajna fuq il-polz tal-pubbliku, u li dejjem nisimgħu il-kritika sabiex l-istrateġiji u l-azzjonijiet tagħna dejjem ikunu jaqblu ma’ dak li hu mistenni.