X'inhu d-dħul veru li qed tħalli l-industrija tal-films f'pajjiżna wara l-miljuni kbar ta' ewro li jintnefqu marbuta ma' din l-industrija? Din kienet il-mistoqsija li għamel il-Partit Nazzjonalista b'rabta mal-infiq tal-Kummissjoni tal-Films Maltija, fosthom ikliet lussużi u statwi ta' dinożawri li swew mas-€66,000 marbuta mar-riklamar tal-film Jurassic World: Dominion.
Il-Partit Nazzjonalista stqarr li meta l-Gvern għolla l-inċentiv għal min jaħdem produzzjoni f'pajjiżna, u b'hekk għamel bil-kontra tal-pariri tal-esperti, għamel dan biex issa, l-flus qed imorru għand ħaddiema barranin li jaħdmu l-films f'Malta, u b'hekk ma jibqgħux fl-ekonomija Maltija.
Fi stqarrija, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Arti u l-Kultura, Julie Zahra nnutat li dawn il-produzzjonijiet m'humiex jinħadmu kompletament f'pajjiżna, u għalhekk stqarret li, "il-Gvern irid ikun ċar u jispjega lill-poplu Malti kemm verament qed iħallu dawn il-produzzjonijiet fil-Kaxxa ta’ Malta meta mqabbel ma’ kemm qegħdin jingħataw f’cash rebate."
Intqal kif il-PN jemmen li, "li kieku l-Gvern hu kommess verament li jgħin lill-industrija tal-films lokali u lill-producers Maltin, aktar milli kien isib fondi mill-€143 miljun li ħareġ diġà biex jinvesti fil-karriera tal-industrija tal-films u jgħin l-ekonomija." Għalhekk, Zahra stqarret li għandu jkun hemm "co-production fund", bil-għan li l-produtturi Maltin ikollhom riżorsi simili ta' produtturi Ewropej.
Apparti minn hekk, sar appell ukoll għal "screen fund" sabiex il-produzzjonijiet Maltin ikunu jistgħu jikkompetu aħjar ma' dawk barranin. "Minflok, meta mqabbel mal-€143miljun li ħallas il-Gvern mit-taxxi lill-barranin, alloka biss €600,000 lill-iScreen Malta Fund, li minnhom jistgħu japplikaw u jibbenefikaw kumpaniji Maltin."
Il-PN tenna li l-aħħar rapporti ppubblikati fil-midja huma "turija ċara oħra ta’ tberbiq ta’ flus il-poplu għall-iskop ta’ ftit persuni biss, fl-istess nifs li l-Gvern ta’ Robert Abela jimla ras il-Maltin li jista’ jkollhom karriera u futur fl-industrija tal-films meta li jaf li dan m’hu minnu xejn."
Reazzjoni mill-Ministeru għat-Turiżmu
B'reazzjoni għal din l-istqarrija, il-Ministeru għat-Turiżmu kkummenta li, "dak li ntqal fl-istqarrija tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista u kampanji bbażati fuq tagħrif li m’għandux mill-fatti jistgħu jgerrxu l-investiment, itellfu x-xogħol tan-nies u jheddu l-industrija tal-films. Kampanja li twassal għal dan hija irresponsabbli. Permezz tal-programm tal-cash rebate qed ikun inċentivat ix-xogħol u jingħata s-serħan tal-moħħ lil dawk kollha li jaħdmu f’din l-industrija li għandhom karriera."