Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppiżizzjoni għall-Intern Joe Giglio, huwa qal li jemmen li s-sigurtà f'pajjiżna qiegħda tkompli tiġi mhedda, hekk kif l-inċidenti vjolenti u inċidenti traġiċi qed dejjem ikomplu jiżdiedu.
Huwa enfassizza li, fl-opinjoni tal-PN, il-Korp tal-Pulizija "għandu wisq xogħol, m’għadux biżżejjed riżorsi umani, u mhux imħallas biżżejjed."
Żied għamel appell sabiex il-ftehim kollettiv li ilu jiġi negozjat ikun konkluż, b’inċentivi qawwija sabiex jattira aktar nies jaħdmu fil-Korp.
Fost il-proposti li qiegħdin iressqu l-quddiem insibu li l-Pulizija jieħdu l-pensjoni kollha anki jekk jibqgħu jaħdmu bħala Pulizija, minkejja li jkunu għalqu l-25 sena servizz.
Giglio saħaq ukoll li, “jeħtieġ ukoll li l-kritika li ssir, tkun kostruttiva, u li l-Gvern jagħti widen għaliha u jaġixxi biex jindirizza n-nuqqasijiet serji li hawn fl-infurzar tal-liġijiet.”
Temm billi insista “biex il-Gvern jieħu dan is-settur bis-serjetà.
Stqarrija mill-Partit Laburista
Il-PL wieġeb li huwa kommess li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-forzi dixxiplinati, hekk kif imwiegħed fil-manifest elettorali.
Dan wara li diġa ta d-dritt li jissieħbu f'unjins.
Żied ukoll li, "jekk irid jagħmel kuraġġ lill-pulizija l-ewwel ħaġa li għandu jagħmel il-kelliem tal-intern, jgħid lill-Kap tiegħu biex jieqaf jattakahom ma’ kull ċans li jkollu."