"Għaliex qed jinqabad iż-żgħir biss? Għaliex min organizza din l-iskema ta' serq u korruzzjoni qed jitħalla jeħlisha?" Dan kien is-sentiment ta' stqarrija tal-għaqda Repubblika dwar l-iskandlu tal-benefiċċji li ġie żvelat fl-aħħar jiem, fejn mijiet ta' persuni huma maħsuba li ngħataw benefiċċji għal diżabilità severa li ma kienx ħaqqhom.
Fl-istqarrija, Repubblika fakkret kif il-flus li nsterqu f'dan il-każ huma flus mit-taxxi tan-nies, u għalkemm dawk li ħadu l-benefiċċji kellhom bżonn il-flus, il-fondi li bbenefikaw minnhom ma kinux għalihom.
L-għaqda staqsiet għalfejn qed jinqabdu biss dawk li bbenefikaw minn din l-iskema, u għalfejn dawk li organizzaw l-iskema qed jitħallew jeħilsuha.
Hawn saru wkoll mistoqsijiet dwar l-involviment ta' uffiċċjali fid-dipartimenti u awtoritajiet li huma involuti f'dan il-każ.
"Nafu bid-dikjarar li s'issa nsterqu 2 miljun ewro. U l-Gvern li suppost jipproteġina huwa ċass, il-ħuta l-kbira qed teħlisha u, bħas-soltu, iż-żgħir iħallas ta' kollox," stqarret Repubblika.
L-għaqda Repubblika temmet billi qalet li mhix se taċċetta din is-sitwazzjoni.