Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, (MEA) Joseph Farrugia stqarr li l-Gvern għandu jrażżan l-infiq tiegħu li qed iwassal għal ħela ta’ fondi pubbliċi, b’mod speċjali fid-dawl ta’ numru ta’ skandli u klima ekonomika internazzjonali maħkuma minn inflazzjoni għolja.
Farrugia stqarr dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Budget tas-sena d-dieħla se jkun wieħed “espansiv” minkejja l-isfidi ekonomiċi li qed jaħkmu lill-Unjoni Ewropea. Caruana, waqt laqgħa mal-imsieħba soċjali ftit ġimgħat qabel jitħabbar il-Budget għall-2024, innota kif l-Unjoni Ewropea se tibda tissikka ċ-ċinturin biex tassigura li ebda membru ma jkollu rata ta’ dejn jew defeċit għoljin, u għalhekk Malta trid tagħmel il-parti tagħha wkoll.
Minkejja dan, Caruana qal li l-Budget li jmiss xorta waħda se jkun wieħed fejn in-nefqa tal-Gvern tkun ogħla mid-dħul tiegħu, filwaqt li Malta tkun konformi mal-viżjoni tal-Unjoni Ewropea.
Intant, is-Sibt il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li d-diskors tal-Budget għas-sena 2024 se jsir fit-30 ta’ Ottubru li ġej. Fuq Facebook, Abela stqarr li dan se jiġi wara li jiġu mressqa “bidliet importanti” fil-Parlament, u li l-Budget se jkun “mibni fuq il-ġid komuni.”
B’rabta mad-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Caruana, l-ILLUM tkellmet ma’ Joseph Farrugia, li laqa’ l-impenn sabiex il-Gvern xorta waħda jibqa’ jinjetta l-flus fl-ekonomija. “Budget espansiv f’dawn iċ-ċirkostanzi hija xi ħaġa tajba,” stqarr Farrugia filwaqt li enfasizza li dan ma jfissirx li l-Gvern għandu jonfoq bl-addoċċ.
Huwa nnota kif, “Huwa essenzjali li l-Gvern jara fejn jista’ jnaqqas l-ispiża wkoll,” b’mod speċjali meta wieħed jara n-numru ta’ skandli li kellu l-Gvern b’rabta mal-infiq tiegħu.
Farrugia semma l-iskandlu tal-frodi tal-benefiċċji soċjali bħala wieħed mill-abbużi, kif ukoll l-iskandlu tal-konċessjoni tal-isptarijiet, li raw miljuni kbar ta’ flus tal-poplu moħlija li setgħu jintużaw minflok jiġu moħlija.
Farrugia spjega wkoll li l-Gvern għandu jnaqqas in-nefqa tiegħu permezz ta’ skemi aktar immirati lejn dawk li verament għandhom bżonnhom. “Ma tagħmilx sens li tqassam ċekk ta’ €100 lil kulħadd,” qal Farrugia. Huwa nnota li minflok ma l-Gvern jibgħat iċ-ċekkijiet lil kulħadd, anke dawk li għandhom dħul tajjeb, ikun aktar għaqli li jintbagħtu ċekkijiet lil dawk in-nies li għandhom bżonnu l-aktar.
Id-Direttur Ġenerali tal-MEA saħaq ukoll fuq l-importanza tat-trasparenza min-naħa tal-Gvern b’rabta man-nefqa tiegħu. “Għalfejn biex inkunu nafu ċerti spejjeż għandna bżonn nagħmlu talba għal ‘Freedom of Information’?”
Dan l-appell għat-trasparenza mill-Gvern ġie fl-istess ġimgħa fejn il-Kummissarju għall-Films, Johann Grech irrikorra għall-Qorti Ċivili biex jiċħad talba ta’ ‘Freedom of Information’ b’rabta man-nefqa tal-Kummissjoni tal-Films biex l-attur David Walliams jipparteċipa fil-Malta Film Awards tas-sena l-oħra. Sal-lum il-ġurnata, il-pubbliku għadu ma jafx kif intnefqu l-€1.3 miljun għal dan l-avveniment.
Joseph Farrugia kompla jgħid lil din il-gazzetta li min-naħa tagħha, l-MEA kellha numru ta’ proposti għall-Budget 2024, fejn waħda minnhom kienet sabiex tassigura riżorsa umana li ma tiddependix fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema. Dan jista’ jsir, skont l-MEA anke permezz ta’ inċentivi għall-pensjonanti biex ikomplu jaħdmu wara l-età tal-irtirar.
Farrugia aċċenna li dan ma jfissirx li togħla l-età tal-irtirar jew li kull pensjonant ikollu joħroġ jaħdem, iżda li pensjonanti li jixtiequ jkomplu jaħdmu jkunu jistgħu jagħmlu dan b’mod aktar faċli.
Mod ieħor li l-MEA qed tipproponi sabiex tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema hija permezz tat-tnaqqis fin-numru ta’ ħaddiema tal-Gvern.
L-ammont esaġerat ta’ persuni li jaħdmu mal-Gvern, u saħansitra jitħallsu pagi tajbin għal ftit xogħol, kien innutat ukoll mill-Isqof Għawdxi ftit ġimgħat ilu. L-Isqof Anton Teuma tkellem fuq ħaddiema f’Għawdex li jitħallsu għal xogħol li ma jagħmlux, hekk kif imorru għax-xogħol mal-Gvern għal ftit sigħat, iżda jitilqu biex jagħmlu xogħol ieħor.
Teuma kien stqarr li dan l-aġir huwa wieħed mingħajr valuri.