B’din ir-rata jista’ jieħu nofs seklu ieħor sakemm tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-parlamenti madwar id-dinja, b’Malta wkoll għadha qed tiffaċċja sfidi sinifikanti f’dan ir-rigward. Dan intqal waqt diskussjoni mtella’ minn EmPOWer bl-isem ta’ ‘Women in Politics for Empowerment: Overcoming Constraints and Challenges’.
Hawn id-diskussjoni ffukat fuq l-involviment politiku tal-mara u x’tibdiliet għandhom isiru sabiex in-nisa jkollhom involviment aktar attiv fil-politika fosthom dik ta’ Malta.
Waqt id-diskussjoni ġew diskussi diversi temi b’rabta mal-involviment politiku tan-nisa, fosthom kif 13 minn 193 pajjiż biss irnexxielhom jiksbu rappreżentazzjoni sinifikanti fil-Kabinett ta’ pajjiżhom.
Ġewwa l-Malta Foundation for the Wellbeing of Society fil-Floriana, preżenti għal din il-konfernza kien hemm l-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca flimkien ma’ grupp diversifikat magħmul minn politiċi nisa ddiskutew l-esperjenzi tagħhom fil-politika.
Karen Buttigieg, chairperson ta’ EmPOWer, saħqet fuq l-importanza li tiġi appoġġjata il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Hija kompliet tgħid li għandna niċċelebraw il-kontribut tan-nisa fil-ħajja pubblika hekk kif din twassal għal demokrazija ugwali u ġusta li tirrapreżenta l-vuċi tan-nies.
Il-messaġġ ewlieni li ħareġ mid-diskussjoni kien li għan-nisa l-poltika hija waħda personali u naturali grazzi għax-xewqa tagħhom li jgħinu kwalunkwe persuna tilħaq l-ambizzjonijiet, jegħlbu l-isfidi, u jempatizzaw mat-tħassib tal-pubbliku.
Preżenti għal din id-diskussjoni kien hemm rappreżentanti mill-Partit Laburista Fiona Borg Lewis, il-membru Parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttigieg, il-kandidata Nazzjoanlista Francine Farrugia, iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci u s-sindku tal-Gudja Marija Sara Vella Gafa. Marie Avellino mexxiet id-diskussjoni.