Żieda fin-numru ta' ġudikatura

5 Maġistrati u 3 Imħallfin ġodda għandhom jingħaqdu mas-sistema ġudizzjarja

Il-Gvern ħabbar sejħa għall-applikazzjoni sabiex jintgħażlu ħames Maġistrati ġodda. Waqt konferenza stampa fil-Belt Valletta dalgħodu, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard qal li l-ħames applikanti li jintgħażlu se jingħaqdu mas-sistema ġudizzjarja flimkien ma’ tliet Imħallfin ġodda.

Erba’ maġistrati ġodda se jkunu assenjati bl-implimentazzjoni tar-riformi fis-sistema tal-inkjesti Maġisterjali li riċentament tħabbru.

Il-Ministru qal li iktar minn 1,700 inkjesta maġisterjali għadhom pendenti, b'uħud minnhom imorru lura 40 sena. Huwa qal li, “is-sitwazzjoni trid tiġi indirizzata”. Huwa kompla jgħid, “rajt vittmi u familji tal-vittmi jistennew il-ġustizzja, irrid nibgħat messaġġ ċar li jien mhux indifferenti għal dan.”

Il-Ministru żied li l-Gvern intervjena u żviluppa “approċċ aktar sensibbli lejn il-vittmi u l-familji tagħhom,” u saħaq li dawn it-tibdiliet se jżidu l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.

It-tieni fażi ta’ dawn ir-riformi se tara li s-sistema ġudikarja se tinvolvi konsultazzjoni pubblika rigward il-leġiżlazzjoni proposta. Kwistjonijiet bħal dawk tal-ħatra ta’ esperti tal-Qorti u ż-żmien li huma mistennija jikkonkludu x-xogħol tagħhom, flimkien mal-etika u kunfidenzjalità, se jiġu ndirizzati.

Il-Ministru kompla jgħid li €17-il miljun intefqu fuq esperti tal-Qorti f’dawn l-aħħar sentejn. Barra minn hekk il-Gvern se jżid il-ħaddiema li jassistu fuq l-inkjesti Maġisterjali.

Hekk kif il-bidu ta’ sena forensika ġdida tinsab fil-qrib, Attard qal li l-Gvern kien qed jiddiskuti kontinwament mal-Prim Imħallef, li r-rakkomandazzjonijiet li għamel f’diskors is-sena l-oħra inbidlu f’miżuri tanġibbli.

Attard qal li sodisfatt li qed jara l-“maġġoranza assoluta” tal-problemi li tqajjmu jiġu indirizzati. Minkejja dan, żied li “għad fadal ħafna xi jsir.”

Il-Ministru Attard qal li x-xogħlijiet bħalissa jinsabu għaddejin bl-għajnuna tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati fuq il-kostruzzjoni ta’ awla ġdida li se tintuża għal-każijiet quddiem ġuriji, wara li diġa nbnew uffiċini ġodda għall-Imħallfin. Intant, il-ministeru qed ifittex sit fejn jista’ jsir għal-Qorti Kummerċjali.

Ir-riforma tal-proċedura tal-kumpilazzjoni tal-evidenza "miexja b'ritmu tajjeb"

“Il-Parlament kien fil-proċess li jiddiskuti diversi proposti u abbozzi ta’ liġijiet,” qal Attard, li żied li l-konsultazzjoni dwar ir-riforma tal-proċedura għall-kumpilazzjoni tal-evidenza f’kawżi kriminali kienet sejra b’saħħitha u se tiġi ppreżentata lill-parlament dalwaqt.

Il-Ministru qal ukoll li għaddew numru ta’ sottomissjonijiet għal propjetajiet f’Għawdex, għas-sostituzzjoni tal-faċilitajiet attwali tal-Qrati t’hemmhekk.

Mill-ġurnalisti, il-Ministru ġie mistoqsi jekk jaħsibx li żewġ Maġistrati kienu biżżejjed biex jieħdu ħsieb il-madwar 2000 każ ta’ vjolenza domestika. Attard qal li n-numru ta’ seduti diġà żdied u li “każijiet ta’ profil għoli kienu qed jiġu ttrattati b’urġenza.”

“Jekk ikun hemm bżonn, issir talba u nqisuha,” qal Attard li żied jgħid li kien il-Prim Imħallef li jagħżel l-Imħallfin u l-Maġistrati fil-Qrati. “Kieku jaħseb li hemm bżonn aktar Maġistrati u mħallfin, hu jagħmel talba.”

Il-Ministru jirrispondi fuq iż-żjara tal-ġudikatura fuq is-sett ta’ Gladiator 2

Mistoqsi jekk jaħsibx li hu xieraq li l-Kummissarju tal-Films Johann Grech kien organizza vista għal numru ta’ Magistrati fuq is-sett ta’ Gladiator 2, Attard qal  li, "kienet inizjattiva tal-Kumitat għall-Istudji Ġudizzjarji. Meta appellajt għal aktar effiċjenza fl-immaniġġjar ta' każ, jien u l-Prim Ministru ġejna attakkati talli għamilna pressjoni fuq il-ġudikatura. Għandu jkun hemm konsistenza, standards għoljin huma mistennija minn kulħadd, inkluż il-ġudikatura, il-politiċi u l-midja.” Il-Ministru saħaq li aktar mistoqsijiet dwar il-kwistjoni għandhom jiġu diretti lill-Kumitat tal-Istudji Ġudizzjarji.

Is-sitwazzjoni tal-liċenzji tal-Avukati

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni fejn gradwati fil-liġi għadhom qed jistennew il-liċenzji tagħhom, minħabba nuqqas ta’qbil bejn il-Ministeru u l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, dwar il-kwistjoni ta’ mistoqsijiet personali li saru lill-kandidati tal-liċenzji, Attard qal li offra riżorsi lill-Kumitat biex tissolva l-kwistjoni.

“M’għandix xi ngħid għal dawk li qed jistennew il-liċenzji tagħhom. Is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli. Jien ktibt lill-Lumitat f’Awwissu u tajthom ir-riżorsi kollha possibbli. Sinċerament ninkwieta għall-aktar minn 100 professjonist li qed jistennew”

 

More in Politika