Pajjiżna jospita t-tieni konferenza Ministerjali dwar liġijiet dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis

L-Awtorità ser tkun qed torganizza l-ewwel taħriġ fuq Harm Reduction għal dawk l-Assoċjazzjonijiet li waslu fi stadju avvanzat tal-applikazzjoni biex jiffurmaw Cannabis Harm Reduction Association

Tnehdiet it-tieni konferenza ministerjali bejn ħames pajjiżi Ewropej f’pajjiżna, fejn ġew diskussi l-iżviluppi marbuta mar-regoli u l-liġijiet dwar l-użu tal-kannabis li ma jkunx għal skop mediku jew xjentifiku, jiġifieri dawk rikreazzjonali.

Il-liġi Maltija u l-istrutturi ta’ kontroll għall-użu responsabbli tal-kannabis kienu fuq l-aġenda tat-tieni konferenza Ministerjali.

Preżenti għal ftuħ tal-konferenza Ministerjali attendew rappreżentanti mill-Ġermanja, l-Olanda, l-Lussemburgu u r-Repubblika Ċeka, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg.

Waqt il-konferenza s-Segretarju Parlamentari spjegat kif il-Gvern Malti ta prijorità lill-aspetti tas-saħħa pubblika bil-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, u fl-istess ħin indirizza l-konsegwenzi negattivi li kienu qed jinħolqu bil-kriminalizzazzjoni tal-persuni li jagħmlu użu personali mill-kannabis.

Is-Segretarju Parlamentari kompliet tgħid li se titħares is-saħħa ta’ dawk li jagħmlu użu rikreattiv minħabba li ser ikollhom aċċess regolat għal kannabis u serħan il-moħħ li qed jużaw kannabis li mhix kontaminata b’sustanzi li huma ta’ detriment għas-saħħa.

Finalment is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li l-Assoċjazzjonijiet għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis se jkollhom funzjonijiet edukattivi u ħabbret li sa Novembru li ġej, l-Awtorità ser tkun qed torganizza l-ewwel taħriġ fuq Harm Reduction għal dawk l-Assoċjazzjonijiet li waslu fi stadju avvanzat tal-applikazzjoni biex jiffurmaw Cannabis Harm Reduction Association.

Minn naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, Leonid Mckay iffoka fuq l-aspett mhux ikkummerċjalizzat li ħaseb għalih il-qafas regolatorju Malti. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-liċenzjar u l-qafas regolatorju jkunu qed jaħdmu flimkien, favur is-saħħa pubblika u l-ġustizzja soċjali. 

Finalment fakkar fuq l-importanza li tiġi mħarsa s-saħħa ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, partikolarment prevenzjoni ta' konsum għoli ta’ THC għal dawk li għandhom bejn it-18 u l-21 sena.

More in Politika