Membri Parlamentari mistiedna għal passiġġata f'żona mhedda mill-iżvilupp

Stefan Zrinzo Azzopardi, Miriam Dalli u Julia Farrugia Portelli fost il-politiċi mistiedna għal passiġġata fin-Nigret li bħalissa hija mhedda minn proġett ta' żvilupp

L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq qed tistieden lil uħud mill-Membri Parlamentari sabiex jinżlu jippassiġġaw qalb l-għelieqi tan-Nigret, liema għelieqi bħalissa huma mhedda li jiġu żviluppati.

Fi stqarrija, l-għaqda fakkret kif din iż-żona hija waħda għal qalb bosta nies, u li s-sbuħija taż-żona hija parti mill-ġid komuni, "li maż-żminijiet fassal l-identità tal-Maltin."

"Infakkru għaliex l-Għaqda twaqqfet. Infakkru li dawn l-inħawi kollha jinsabu mhedda b’daqqa ta’ pinna," stqarret l-għaqda. L-għaqda nnutat li l-iżvilupp propost jista' jeqred mat-12-il tomna raba' tajjeb, u dan kollu biex minflok, ikun hemm aktar toroq u blokok residenzjali fiż-żona.

Għalhekk, huma stiednu lill-Ministru għall-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi biex jifhem dak li jista' jintilef minħabba dan l-iżvilupp, hekk kif fakkru li n-nies taż-Żurrieq stess kienu fost dawk li eleġġewh fil-pożizzjoni li jokkupa.

"Miegħu nistiednu lil Miriam Dalli, Julia Farrugia Portelli, Owen Bonnici, Omar Farrugia, u Stanley Zammit sabiex jiġu u jaraw dawn l-inħawi b’għajnejhom," kompliet tgħid l-għaqda. Huma ġew mistiedna wkoll biex jimmaġinaw jekk tkunx l-istess passiġġata kieku minflok l-għelieqi jkun hemm kullimkien mibni.

L-għaqda temmet tgħid, "Għandkom għażla: is-salvagwardja tal-ġid komuni u l-benessri soċjali, inkella t-tħabbib mal-ftit li ħalfu li jaħkmu l-art kollha kemm hi bl-istorja magħha, u jieklu lilna magħha."

 

More in Politika