fil-jum internazzjonali dedikat għall-aċess sigur tal-abort, attivisti u persuni inġabru flimkien u mxew fit-toroq prinċipali tal-Belt, b’għajta waħda favur l-għażla ta’ l-abort.
It-tema ta’ din is-sena kienet iffukata fuq l-istigma u kif hawn bosta persuni li għamlu u qed jagħmlu abort f’Malta. Filfatt huma saħqu li hekk ma taf lil ħadd li għamel l-abort, huwa minħabba l-fatt li hawn stigma qawwija u x’aktarx persuni li għamlu l-abort qed jibżgħu jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom.
Matul il-mixja, wieħed seta’ jinnota ukoll diversi messaġġi u kartelluni li saħqu fuq kif fil-fehma tagħhom, kemm r-realtà kiefra tal-liġijiet ħarxa u restrittivi f’Malta.
“Huwa stmat li f’sena madwar 300 mara li jgħixu Malta għamlu abort permezz ta’ pinnolli jew abort barra minn xtutna,” qalet Carla Camilleri, avukat u assistent direttur tal-fondazzjoni aditus.
Fl-istqarrija, huma qalu li f’Malta, mill-inqas persuna waħda kuljum tuża l-pilloli tal-abort (mifepristone u misoprostol), pilloli li huma medikalment sikuri, tant li huma mniżżla fil-lista ta’ mediċini essenzjali tal-WHO.
Huma komplew jgħidu li l-abort xorta waħda għadu kriminalizzat f’Malta u kull min jagħmel jew jgħin f’abort jista’ jaffaċċja sentenza massima ta’ 3 snin ħabs. Fakkru f’każ riċenti fejn mara ġiet imħarrka u mtella’ l-qorti talli għamlet abort wara li kienet ġiet irrappurtata lill-pulizija mis-sieħeb abbużiv tagħha.
“Anzi, ħa nibqgħu nkunu iktar voċiferi, għax ta’ min jiġbdilkom l-attenzjoni li hi ipokrizjia kbira li tgħidu li tħossukom ‘skomdi’ li mara vulnerabbli tiġi mressqa l-qorti, imbagħad inqas minn xahar wara tgħaddu liġi li tkompli tgħaddasna iktar lisfel,” saħqet Andrea Dibben mill-Women's Rights Foundation u membru tal-Akkademiċi għall-Għażla.
L-organizzazjonijiet qalu li din is-sena għażlu li jimxu fi Triq ir-Repubblika fil-Belt biex iwasslu messaġġ ċar li se jkomplu jkunu voċiferi favur l-għażla u se jkomplu jiġġieldu biex in-nisa u persuni oħrajn li jistgħu ikunu tqal ma jibqgħux jiġu trattati ta’ ċittadini tat-tieni klassi.
Il-koalizzjoni ta’ 14-il organizzazzjoni favur l-għażla qed titlob li l-abort jiġi dikriminalizzat, normalizzat, provdut u aċċessibbli lokalment.
L-14-il għaqda fil-Koalizzjoni Voice for Choice huma Academics for Choice, aditus foundation, Doctors for Choice, Grandparents for Choice, Integra Foundation, Lawyers for Choice, Malta Humanists Association, Men Against Violence, MGRM, Moviment Graffitti, Parents for Choice, Students for Choice, Women’s Rights Foundation u Young Progressive Beings.