Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul konferenza tal-aħbarijiet li indirizzaha flimkien mad-Deputati Adrian Delia u Stephen Spiteri qal li “Il-paroli ta’ Robert Abela issa jrid jieqaf u trid tintrefa’ r-responsabbiltà”.
Dan kien il-messaġġ ta’ Grech ftit tal-ħin wara s-sentenza tal-Qorti tal-Appell li uriet, fost oħrajn, il-kollużjoni bejn il-Gvern u l-kumpaniji Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare.
Grech saħaq li “l-€400 miljun li nsterqu mill-poplu Malti u Għawdxi għandhom jiġu lura għand il-poplu minnufih”. Grech kompla jgħid li minn dejjem emmnu li n-nuqqas ta’ esperjenza fl-isptarijiet tal-Vitals kienet xi ħaġa dubjuża, iżda sforz l-intenzjoni ħażina, il-Gvern baqa’ għaddej u jiddefendi lil tal-Vitals u ta’ Steward.
Grech kompla jgħid li issa l-Qorti “waqqgħetlu l-maskra” lil Robert Abela, fi żmien Joseph Muscat ingħataw €130 miljun u fi żmien Robert Abela ngħataw €280 miljun – dan “juri l-kontinwità u l-kompliċità” ta’ frodi ta’ flus li ttieħdu minn wara dahar il-poplu.
Grech kompla jisħaq li l-ogħla Qorti f’pajjiżna qalet li l-Gvern ta’ Muscat u Abela “naqsu minn dmirhom u ma fittxewx ir-rimedji li kellhom jieħdu”. Grech stqarr li kieku ma kienx Adrian Delia bil-kawża tiegħu meta ppreżenta Protest Ġudizzjarju fil-Qorti, kieku dan il-frodi għadu għaddej.
Min-naħa tiegħu, Delia qal li din hi sentenza “storika u mingħajr preċedent” issa la inkixfet il-kompliċità tal-Gvern u t-tradiment tal-poplu Malti mill-Gvern stess.
Delia sostna li l-Gvern kellu kollox ippjanat minn wara dahar il-poplu Malti, u kompla jabbuża billi jġedded iktar flus meta suppost il-kumpanji taw lura servizz mediku mill-aqwa lill-pajjiż.
Il-PN qed jisħaq li jinġiebu lura dawk “il-miljuni li nsterqu” u sabiex tintrefa’ r-responsabbiltà hekk kif jiżgura li sitwazzjoni bħal din ma terġax issir.
Spiteri qal li “l-verita rebħet” iżda minkejja dan “l-poplu Malti u Għawdxi tilef u għadu qed jitlef” għaliex kawża ta’ dak li għamel il-Gvern “il-Maltin u l-Għawdxin ma jistgħux igawdu minn infrastruttura adegwata fil-qasam tas-Saħħa”.
Spiteri temm jgħid li b’dawk il-miljuni setgħu saru investimenti oħra “iżda minflok, dawn marru fil-bwiet tal-Vitals u ta’ Steward.”
Il-PN tenna li “mas-Saħħa m’hemmx kompromessi u għalih, is-Saħħa dejjem kienet ta’ prijorità”.