Sondaġġ tal-MaltaToday juri l-pensjonanti bi ħġarhom wara l-Labour

Staqsejna tliet osservaturi dwar id-diskors ta’ Bernard Grech u ta’ Robert Abela fl-isfond tal-Baġit 2023 

Sondaġġ ippubblikat fil-ġurnal oħt MaltaToday juri, kemm il-pensjonanti huma bi ħġarhom u rikonoxxenti lejn Robert Abela bħala Prim Ministru, kif ukoll konxji mill-miżuri li hemm fil-Baġit. Il-mexxej Laburista għadu ’l quddiem meta mqabbel ma’ Bernard Grech imma mhux daqs qabel. U anke bħala partiti, il-PL issa qiegħed minn quddiem b’differenza mis-sondaġġ ta’ qabel fejn il-PN kien ftit minn fuq. Iżda s-sondaġġ jikkonferma n-numru enormi ta’ nies li qed jgħidu li mhux ser jivvotaw. U ħafna minnhom huma tradizzjonalment Laburisti. Is-sondaġġ ma jgħid xejn x’jiġri jekk Grech jiġi sostitwit minn Metsola bħala kap. Is-sondaġġ seħħ fil-ġimgħa wara d-diskors ta’ Grech u Abela. Osservaturi qalu li d-diskors ta’ Abela kien fost l-aħjar li qatt għamel u Abela kien kunfidenti u ffukat. Min-naħa l-oħra, id-diskors ta’ Grech kien anqas iffukat u miżgħud b’messaġġi differenti. 

Steve Ellul – Analista finanzjarju  

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela wera kif l-għan ta’ dan il-baġit kien propju li jissaħħu l-bwiet tal-familji filwaqt li tiġi pprovduta aktar stabbiltà lin-negozji. 

B’mod tanġibbli dan sar permezz tal-estensjoni tas-sussidju fuq l-enerġija għat-tielet sena konsekuttiva waqt li ġew imħabbra żidiet bla preċedent fid-dħul tal-pensjonanti, dawk fuq paga minima, żidiet fiċ-children’s allowance u l-estensjoni tal-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA li issa se jkun qiegħed jiġi estiż fuq 95,000 familja. Dawn il-miżuri jfissru li familja medja f’Malta tista’ tara d-dħul tagħha jiżdied b’aktar minn €4,000 fis-sena li ġejja. 

Dawn il-miżuri ta’ serħan il-moħħ setgħu jiġu assigurati biss għax Malta għandha ekonomija li baqgħet tikber minkejja l-isfidi internazzjonali. Huwa dan it-tkabbir li qed jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet li verament jindirizzaw l-aspettattivi tal-familji u tan-negozji. 

Għalhekk ma naħsibx li jkun għaqli li wieħed jipprova jnissel dubji fuq il-kapaċità tal-pajjiż li jkompli jikber u jiffinanzja ruħu permezz ta’ self lokali. Sfortunatament parti kbira fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożiżżjoni prova jindika li d-dejn tal-pajjiż mhux wieħed sostenibbli. Huwa evidenti li l-oppożizzjoni qed tiżbalja meta tipprova tkejjel id-dejn tal-pajjiż mingħajr ma’ tqabblu mad-daqs tal-ekonomija tagħna. 

Huwa importanti li wieħed jifhem li l-piż tad-dejn jiġi mkejjel fil-kuntest tad-daqs tal-ekonomija. Fl-aħħar 10 snin l-ekonomija Maltija rduppjat fid-daqs tagħha. B’hekk il-piż tad-dejn f’pajjiżna naqas u mhux żdied, kuntrarju għal dak li beda jalludi għalih l-Kap tal-Oppożizzjoni fid-diskors tiegħu. Fil-fatt, il-piż tas-self f’Malta huwa 52% kontra 70% li kien lura fl-2012. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li dan il-kejl huwa wieħed mill-inqas fl-Ewropa u kważi 40% anqas mill-medja tad-dejn tal-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea. 

 

Mario Thomas Vassallo – Lettur tal-Public Policy 

 

Kemm hi sabiħa l-lingwa Maltija u kemm taqdina tajjeb biex nitkellmu fuq aspetti ta’ ekonomija, politika u soċjetà. Dan għal min jaħseb li bil-Malti ma tistax titkellem fuq affarijiet serji.  

 

Id-diskorsi kienu twal wisq. Din kien qajjimha Alfred Sant għaliex qabel kienu tliet sigħat twal, issa ġew sagħtejn u naħseb illi issa wasal iż-żmien li waslu għal siegħa u nofs; bit-tama li jinżlu għal siegħa. 

 

Żewġ kelliema irrejżjati. Fis-sens li d-diskors kien b’passjoni iżda xi kultant kien b’ton imbaqbaq. Dan għaliex skont is-survey, il-Partit Laburista qiegħed jitlef numru ta’ voti filwaqt li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex qed jiggwadanja dawk il-voti mitlufa. Din is-sitwazzjoni iżżid iktar mat-temperatura politika li timmanifesta ruħha fit-tonalità tad-diskorsi.  

 

Min-naħa l-oħra, f’termini ta’ kontenut, f’diskors ta’ sagħtejn, il-Kap tal-Oppożiżzzjoni ma rnexxilux jartikula tajjeb il-viżjoni ekonomika l-ġdida, filwaqt li l-Prim Ministru Abela injora għal kollox l-istejjer ta’ korruzzjoni li fnew il-Gvern u kien dgħajjef fil-każ tas-saga tal-isptarijiet.  

 

 

Clyde Puli – Eks Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista 

Il-Prim Ministru tkellem fuq baġit li qed joffri stabbilità lill-pajjiż f’mumenti diffiċli (eku tar-retorika tal-‘par idejn sodi’), wens lil min qed ibati għaliex intlaqat mis-sitwazzjoni ekomomika, u aktar dixxiplina fuq min qed jabbuża. Imma lil hinn mill-kontenut kien hemm ukoll enfasi fuq ir-retorika li biha Robert Abela pprova jirxoxta t-timbru soċjalista permezz ta’ dan il-baġit. U filwaqt li xejn mhuwa aktar ’il bogħod mir-realtà politika, għaliex l-ekonomija tal-lum hija bbażata fuq l-istess prinċipji li wellidha bihom l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar tat-tmeninijiet, huwa ċar li Abela kien jaf lil min ried jindirizza ftit xhur bogħod minn elezzjonijiet lokali u Ewropej. Is-sondaġġi juru li għandu inkwiet ma’ dawk fil-qalba tal-appoġġ tradizzjonali tiegħu u għażel li jitfa’ fuq quddiem l-għeruq tiegħu. 

Jekk il-Prim Ministru ried juri li huwa wkoll kap ta’ partit, il-Kap tal-Oppożizzjoni ried juri li huwa potenzjalment Prim Ministru. Jekk il-Prim Ministru tkellem fuq sett ta’ miżuri tajbin, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem fuq baġit li ma indirizzax il-problemi. Fuq quddiem nett, it-tkabbir fil-popolazzjoni bla rażan u l-implikazzjoni kollha li din iġġib magħha, l-għoli tal-prezzijiet, u l-korruzzjoni fil-politika.   

Bernard Grech ukoll għamel sforz biex jirrappreżenta s-sentiment tad-‘diżillużi’ bis-sitwazzjoni ta’ pajjiżna. Imma anke jekk ir-retorika ta’ qabża ta’ kwalità (inċidentalment użata wkoll mill-PN ta’ Lawrence Gonzi xi snin ilu) taf tappella aktar għall-klassi tan-nofs, in-narattiva ma kinitx diretta biżżejjed biex tispira u tqanqal il-faxxa diżilluża tal-middle class, jiġifieri dawk li jistgħu jagħmlu differenza għall-PN. Il-PN irid juri aktar l-identità tiegħu u jimbotta aktar l-aġenda tiegħu. 

Id-diskors taż-żewġ kapijiet ovvjament jiġi wkoll mifhum u interpretat fil-kuntest ta’ dak li jkun intqal u sar qabel minn esponenti taż-żewġ naħat. Ċerti azzjonijiet u stqarrijiet żgur ma servewx tajjeb biex ikattru l-fiduċja fil-mexxejja u l-kredibbiltà tad-diskorsi. 

More in Politika