In-nies jafu li jeżistu sfidi, u jafdaw lilna biex insolvuhom

Il-ġurnalist Luigi Sghendo, jistaqsi u jitkellem ma’ Chris Bonett Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi Ewropej 

Hemm biżżejjed għarfien fuq kif negozju jew persuni jistgħu japplikaw għall-fondi? 

Din hija l-ikbar sfida marbuta mal-fondi Ewropej. L-idea li għandhom ħafna nies hi li huwa kkumplikat wisq biex tapplika u taċċessa l-fondi. U ma nagħtihomx tort. 

Mal-ewwel ġurnata tiegħi fil-kariga, poġġejt din il-kwistjoni fuq nett tal-aġenda tiegħi. Għax ma jagħmilx sens li pajjiżna jikseb pakkett daqstant b’saħħtu ta’ fondi Ewropej iżda mbagħad ikun hemm burokrazija żejda li toħloq ostakli għal min juża dawk l-istess fondi.  

Ridt ngħaddi l-messaġġ li l-fondi Ewropej qegħdin biex jużahom kulħadd. Huma ta’ kulħadd. Anke jekk int familja żgħira. Jekk għandek negozju żgħir, irridu ngħinuk tikteb storja ta’ suċċess bil-fondi Ewropej. 

X’għamilna b’mod konkret? Bdejna bl-iżvilupp ta’ portal elettroniku, fondi.eu, li jagħti l-informazzjoni kollha li hemm bżonn lill-applikanti prospettivi, jiġifieri li jiggwidahom pass pass. Imbagħad irriformajna l-entità ‘Servzzi Ewropej f’Malta’ biex tibda sservi bħala one-stop shop għal min huwa interessat li jagħmel użu mill-fondi Ewropej. 

Jekk inħarsu lejn in-negozju, issimplifikajna l-proċeduri b’mod sinifikanti. Biżżejjed insemmi t-tnaqqis tal-applikazzjoni minn 90 għal 25 paġna, it-tneħħija tal-bżonn ta’ business plan f’ċerti applikazzjonijiet u t-tisħiħ fil-komunikazzjoni u s-servizzi ta’ appoġġ b’lingwaġġ li jqarreb il-fondi lejn il-komunità kummerċjali.  

Sodisfatt ħafna b’dak li għamilna sa issa. Imma naf li fadlilna x’nagħmlu u determinat li naslu. 

Il-Gvern għandu pjanijiet fl-eventwalità li jissiebħu iktar pajjiżi u b’hekk Malta tnaqqas fl-ammont ta’ fondi Ewropej li tirċievi?  

Malta għadha kemm kisbet l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej fl-istorja tagħha għas-seba’ snin li ġejjin.  

Ma kienet xejn faċli. Il-mekkaniżmu tal-fondi Ewropej jaħdem b’mod li jalloka inqas lil min ikun diġà mexa ’l quddiem. Fis-snin li għaddew, Malta kellha fost l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea kollha u allura teknikament kellna bżonn inqas fondi Ewropej. Kien hemm ukoll il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea li naqqas il-budget tal-istess Unjoni.  

Iżda bin-negozjati konvinċenti tal-Prim Ministru Robert Abela wasalna fejn ftit ħasbu li stajna naslu. Rekord ta’ iktar minn €2.2 biljun għall-familji u n-negozji tagħna. Iktar mid-doppju tal-fondi Ewropej li kien irnexxielu jġib Gvern Nazzjonalista. 

U dan mhux b’kumbinazzjoni. Kienet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li faħħret is-suċċess ta’ Malta fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-fondi Ewropej. Fl-ewwel żjara tagħha, sejħet il-pjan tagħna bħala l-iktar wieħed ta’ valur ambjentali mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. U iktar riċenti, fi skola ġdida li bnejna bil-fondi Ewropej fin-Nadur, il-President von der Leyen tat iċ-ċertifikat tagħha għal mod kif pajjiżna diġà beda jaqta’ l-frott ta’ dan il-proċess. 

Bi Gvern Laburista fit-tmexxija, jien ċert li se nkomplu nagħmlu l-aqwa użu tal-fondi Ewropej u għalhekk nibqgħu nżommu dik il-kredibilità li pajjiżna ħaqqu dan l-investiment biex bla telf ta’ żmien ikompli jipprepara għall-futur tiegħu u jagħmel il-gżejjer Maltin iktar moderni, diġitali u reżiljenti. 

Jekk l-Unjoni Ewropea tikber ma jfissirx awtomatikament li ser jonqsu l-fondi allokati għal Malta. Bit-tkabbir ser jikber il-budget tal-Unjoni Ewropea wkoll, u kif qed jidhru l-affarijiet ser ikun hemm sforz kollettiv biex isir investiment Ewropew f’kontinenti oħra, partikolarment dak Afrikan, sabiex huma stess jidħlu f’negozju mal-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-enerġija u d-diġitalizzazzjoni. Bil-pożizzjoni strateġika li għandu pajjiżna huwa importanti li nistabbilixxu lilna nfusna bħala pont lejn dan il-kontinent u b’hekk nattiraw fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex inservu ta’ dan il-pont mal-Afrika.  

Darba kont għedt “Meta kellna nisimgħu, ma smajniex, u meta kellna nagħmlu, m’għamilniex”. Hemm episodji partikolari li tista’ tirreferi għalihom?  

Nifhem li qed tirreferi għal frażi waħda minn raġunament sħiħ li kont għamilt numru ta’ xhur ilu fuq Facebook.  

Fl-aħħar diċennju, b’mod konsistenti, il-poplu ta l-fiduċja tiegħu lill-Partit Laburista bl-ikbar maġġoranzi fl-istorja politika tal-pajjiż. Nemmen li hemm raġuni ewlenija – dik li n-nies jaraw fina politiċi saqajhom mal-art li jwettqu dak li jwiegħdu. 

Dik il-fiduċja b’saħħitha rridu naħdmu għaliha kuljum. Ma nistrieħu fuq l-ebda suċċess, iżda nistinkaw biex dejjem inġibu riżultati aħjar. Fuq kollox, irridu naċċertaw lilna nfusna li nkunu preżenti fil-komunitajiet, nisimgħu l-ideat u l-proposti, kif ukoll it-tħassib u l-kritika.  

M’aħniex Gvern perfett u żbalji għamilna. Fil-ħidma tagħna ta’ kuljum, ġieli jinqalgħu okkażjonijiet fejn tirrifletti u tgħid ‘stajt smajt iktar’ jew ‘stajt għamilt aħjar’. M’aħniex suppervi, m’aħniex arroganti u bil-kontra tal-avversarji politiċi tagħna ma nippretendux li għandna d-dritt divin li jkollna raġun dejjem.  

Iżda huwa ċar li n-nies kienu u għadhom jemmnu li l-pajjiż għandu jibqa’ jitmexxa mill-Partit Laburista u minn Robert Abela bħala Prim Ministru. In-nies jafu li jeżistu sfidi, u jafdaw lilna biex insolvuhom. Għalhekk dakinhar wassalt messaġġ li l-familji u n-negozji se jibqgħu jsibuna billi nkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet, nibnu fuq it-tajjeb li għamilna, u nirranġaw fejn l-affarijiet setgħu jimxu aħjar.    

Fuq nota personali, x’inhuma l-isfidi quddiemek preżentement fi ħdan il-Gvern Laburista? 

Preżentement id-dinja għaddejja minn instabbiltà kbira. Wara sentejn u nofs ta’ pandemija fejn prattikament ingħalaq kullimkien u waqaf kollox, issa tfaċċaw żewġ gwerer ħorox viċin tagħna u l-konsegwenzi huma serji għall-aħħar. Din is-sitwazzjoni tpoġġi fuqna responsabbiltà li naħdmu b’maturità u serjetà, flok nintilfu f’logħob partiġġjan jew tattiċi estremisti.  

Aħna m’aħniex Gvern li f’mument ta’ kriżi internazzjonali se ngħidu lin-nies li hemm wisq maltemp u li se jkollhom iġorru l-piżijiet huma. Ninsabu f’din il-pożizzjoni ta’ tmexxija propju biex nilqgħu għall-isfidi u noħorġu bis-soluzzjonijiet. 

Għalhekk, flimkien mat-tim magħqud fil-Kabinett u l-Grupp Parlamentari, il-prijorità ewlenija hija li nibqgħu nagħtu tmexxija soda lil dan il-pajjiż. Fost oħrajn bl-investiment ta’ €350 miljun biex lill-familji u n-negozji nżommuhom ’il bogħod milli jaqilgħu d-daqqa internazzjonali fuq il-prezz tal-enerġija. 

Il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar. Resqin lejn tranżizzjoni ekonomika li tmexxi lil Malta u Għawdex għall-opportunitajiet tas-snin li ġejjin. Il-ħidma li wettaq Gvern Laburista fl-ewwel żewġ leġiżlaturi wasslet biex pajjiżna llum mhux jitkellem fuq negozji li jridu jagħlqu l-bibien, iżda dwar prattikament kulħadd f’impjieg. Il-ġid minnu nnifsu joħloq l-isfidi tiegħu u huma dawk li rridu nindirizzaw issa. Nemmen li wasalna għal pass importanti li niffukaw fuq il-kwalità tal-investiment biex nassiguraw valur miżjud f’dak kollu li nagħmlu.  

Mill-aspett ta’ fondi Ewropej, il-prijorità tiegħi hija li nkompli nressaq dawn l-opportunitajiet qrib tan-nies. Fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin se nkun qed inħabbar programmi u skemi għal kulħadd. Minn studenti li jridu jissuktaw bl-edukazzjoni tagħhom għal entitajiet tal-Gvern li se jwettqu proġetti infrastrutturali kbar. Proġetti u inizjattivi għal kull persuna u kull industrija. Se nuru kif dawn il-fondi se jkunu, iktar minn qatt qabel, qed jissarrfu f’bidliet pożittivi għall-ekonomija, it-tessut soċjali, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. 

More in Politika