Aaron Farrugia jitkeċċa mill-kabinet f’reshuffle li ħasad lil kulħadd
Chris Bonett ħa post Aaron Farrugia bħala l-Ministru għat-Trasport l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi
Aaron Farrugia huwa l-unika persuna li tqaċċat ‘il barra mill-kabinet ta’ Robert Abela, hekk kif tul il-ġurnata tas-Sibt, bosta kienu dawk madwar Malta u Għawdex li laqgħu l-aħbar ta’ reshuffle b’sorpriża. Meta Aaron Farrugia ħa f’idejh it-trasport u l-infrastruttura, huwa kien ikkritikat ferm mill-ambjentalisti, b’mod speċjali fid-dawl tal-kritika li l-politika u l-proġetti li kienu ħerġin mill-Ministeru tiegħu ma kienu qed jgħinu xejn biex itaffu mill-problemi tat-traffiku u d-dipendenza fuq il-karozzi li għandu pajjiżna.
Fost l-oħrajn, Farrugia kien qata’ l-użu tal-iscooters elettriċi tal-kiri li kienu jintużaw bħala mezz ta’ trasport, filwaqt li f’dak li għandu x’jaqsam mal-karozzi tal-Y-plates, jidher li ma għamilx dak li kellu jsir biex jiġi rregolat sew dan is-settur. Dan anke fid-dawl ta’ bidliet frekwenti fil-politika li tiggverna s-settur, liema bidliet lanqas kienu maqbula jew diskussi mal-imsieħba soċjali kollha bħall-Kamra tal-Periti.
Fost dawk li għalihom din l-aħbar kienet qisha sajjetta fil-bnazzi kienu proprju l-membri tal-grupp Parlamentari Laburista, li stqarrew li ma ħasbux li Abela kien se jibdel il-kabinet tiegħu fl-ewwel jiem tas-sena.
Kienet ġurnata mimilja tensjoni u segrettezza assoluta hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela għajjat Ministri, Segretarji Parlamentari u membri Parlamentari għal reshuffle fejn indirizza dawk il-ministeri fejn ħass li kien hemm diżappunt. Fost dawk li telgħu skalun u dawk li niżżlu kien hemm Chris Bonett, li issa ħa post Aaron Farrugia bħala l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi.
Hawn tħabbar b’mod uffiċċjali għall-ewwel darba li Chris Fearne se jkun qed jiġi nominat ta’ Malta għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'Ġunju li ġej. Għalhekk, huwa se jkun qed jirriżenja mill-kariga ta' Ministru għas-Saħħa, u minflok inħatar bħala Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.
Il-kabinet ġdid ta’ Robert Abela
Chris Fearne
Chris Fearne se jibqa’ jservi bħala d-Deputat Prim Ministru, iżda minkejja li tneħħilu l-portafoll tas-Saħħa, se jservi wkoll bħala Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.
Bid-deċiżjoni imminenti dwar il-ħatra ta’ Kummissarju ġdid fil-Kummissjoni Ewropea, bosta kienu dawk li spekulaw dwar il-ħatra ta’ Fearne f’din il-pożizzjoni, u huwa proprju minħabba dan li reshuffle kien imminenti.
Fearne kien ukoll kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista, u wara li tilef il-kontestazzjoni kontra Abela beda jħares lejn Brussell bħala l-aħħar sfida politika.
Fearne, li għamel isem waqt il-pandemija tal-Covid, daħal fil-politika wara karriera twila bħala kirurgu li jispeċjalizza fit-tfal. Ta’ 60 sena qed iħares lejn ir-rwol ta’ Kummissarju bħala opportunità biex jagħti sehmu fil-qasam internazzjonali imma anke biex jaħrab mix-xena Maltija.
Jo Etienne Abela
Jo Etienne Abela huwa dak li se jservi bħala Ministru għas-Saħħa minflok Fearne, hekk kif ma’ dan il-portafoll, żamm ukoll dak tal-Anzjanità Attiva. Abela huwa kirurgu speċjalizzat Għawdxi li sal-bieraħ kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għall-Anzjani
Jo Etienne Abela min-naħa tiegħu huwa bniedem li ġej minn familja Għawdxija li kienet magħrufa bħala Nazzjonalista. Ispira ruħu minn Tony Blair, il-Prim Ministru Laburista Ingliż, u ġie mħajjar biex joħroġ għall-politika minn Robert Abela stess.
Bħalissa għandu l-konċessjoni li jkompli jagħmel xi operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, iżda mhux ċert jekk dan ikunx possibbli jekk jaċċetta l-pożizzjoni ta’ Ministru tas-Saħħa. Bħala karattru huwa aktar kariżmatiku minn Fearne u għandu wkoll stil ta’ diskors kajman, moderat u ċar.
Malcolm Paul Agius Galea
Għal Agius Galea, din hija l-ewwel promozzjoni tiegħu fil-kabinet ta’ Robert Abela mindu ġie elett fl-elezzjoni ġenerali tal-2022, fejn qabel din il-kariga huwa kien biss membru Parlamentari. Huwa se jkun Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva fil-ministeru ta’ Jo Etienne.
Qabel ġie elett fl-2022, Agius Galea kien tabib u anke s-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ. Ftit tax-xhur ilu, huwa kien ammetta li kien żbalja meta vvota kontra li ssir inkjesta pubblika fil-konfront ta’ Jean Paul Sofia.
Jonathan Attard
Attard mhux talli żamm il-portafoll tiegħu bħala Ministru għall-Ġustizzja, iżda ngħata wkoll rwol ieħor, hekk kif ġie fdat fl-irwol tar-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni.
Jonathan Attard kellu karriera bħala avukat qabel ma ġie co-opted fil-Parlament fl-2021 biex jieħu s-siġġu ta’ Manuel Mallia. Fl-elezzjoni ġenerali sena wara, huwa tela’ mir-raba’ distrett u Robert Abela għamlu Ministru tal-Ġustizzja.
Clint Camilleri
Il-Ministru għal-Għawdex Clint Camilleri żamm il-portafoll li għandu x’jaqsam mal-gżira tat-tliet għoljiet, filwaqt li f’mossa li ftit kienu jistennew, żdied ukoll l-Ippjanar fil-portafoll tiegħu.
L-aħbar li Clint Camilleri se jieħu f’idejh il-portafoll tal-ippjanar żgur se jkun ta’ dispjaċir għall-ambjentalisti, b’mod speċjali minħabba l-klijenteliżmu li jibbrilla fir-rigward ta’ Ministri għal Għawdex. Dan jista jfisser li kuntratturi Għawdxin ikollhom aktar saħħa fuq il-Ministru tal-Ippjanar.
Fl-2020 Camilleri kien ta ‘direct order’ lill-kuntrattur Għawdxi Joseph Portelli sabiex pazjenti anzjani jkunu jistgħu jużaw lukanda tiegħu f’Għawdex waqt il-pandemija. Għal dan, il-Ministeru għal Għawdex ħallas xejn inqas minn €3.1 miljun. F’dan il-każ, l-Awditur Ġenerali kien sab li f’ġurnata waħda il-valur tal-ħlas għal dan is-servizz żdied b’€650,000 f’ġurnata waħda.
Miriam Dalli
Miriam Dalli żammet il-portafolli tal-Ambjent u l-Enerġija filwaqt li ngħatat ukoll dak tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.
Dalli ilha membru tal-grupp Parlamentari Laburista mill-2020, wara li ġiet co-opted biex timla s-siġġu tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Minn dak iż-żmien ‘l hawn hija kellha f’idejha l-portafoll tal-enerġija, l-intrapriża u l-iżvilupp sostenibbli.
Wara l-elezzjoni ġenerali tal-2022, hija baqgħet responsabbli għall-enerġija u l-intrapriża, u magħhom żdied kien żdied il-portafoll tal-enerġija. Dalli sabet ruħha f’nofs kriżi tal-enerġija, tant li bosta fil-pajjiż ippuntaw subajhom lejha wara li bosta familji u negozji sabu ruħhom bla dawl għal jiem sħaħ fl-agħar tas-sajf.
Silvio Schembri
Is-Sibt tħabbar li Silvio Schembri se jibqa’ Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża, filwaqt li żdiedlu wkoll il-portafoll tal-Proġetti Strateġiċi.
Silvio Schembri ilu fil-grupp Parlamentari Laburista minn żmien Joseph Muscat. Is-sena l-oħra, huwa kien fl-aħbarjiet wara li qal li ma jara ebda kunflitt ta’ interess mill-fatt li filwaqt li hu kien il-Ministru risponsabbli mill-artijiet, martu kienet fetħet kumpanija tal-iżvilupp tal-proprjetà
Stefan Zrinzo Azzopardi
Zrinzo Azzopardi tneħħa mill-irwol ta’ Ministru għall-Ippjanar, biex minflok se jkun Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali.
Bosta kienu dawk iddiżappuntati mill-ħidma ta’ Stefan Zrinzo Azzopardi bħala Ministru għall-Ippjanar. Għalkemm huwa kien fit-tmun tal-Ministeru meta ddaħlet fis-seħħ il-liġi tal-liċenzjar tal-kuntratturi, din saret biss wara l-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia, u bosta jarawha reazzjoni bla saħħa għal mewt f’settur iddominat minn kontroversji.
Fost dawk li nnutaw il-fallimenti tas-sistema f’dak li għandu x’jaqsam mas-settur tal-kostruzzjoni kien hemm l-Imħallef Joseph Zammit McKeon, li bħala dak li qed imexxi l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Sofia, kellu kliem iebes għall-Zrinzo Azzopardi rigward in-nuqqas ta’ serjeta fis-settur.
Clayton Bartolo
Min-naħa tiegħu, Clayton Bartolo se jibqa’ jservi bħala Ministru għat-Turiżmu, u ma dan se jiżdied ukoll il-portafoll tal-Indafa Pubblika.
Bartolo kien il-Ministru għat-Turiżmu waqt l-agħar żmien tat-turiżmu f’Malta waqt il-pandemija, fejn minkejja l-isfidi dan is-settur deher li rkupra. Huwa kritikat minn uħud li jgħidu li bħala Ministru ta’ portafoll kruċjali għal pajjiżna, Bartolo għandu ħabta jiffoka ħafna fuq it-turiżmu fid-distrett tiegħu, kif ukoll minħabba numru ta’ kontroversji b’rabta mal-industrija tal-films u n-nefqiet kbar tagħha.
Glenn Bedingfield
Bedinfield ġie maħtur bħala Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu. Mill-kabinet il-ġdid, Bedingfield huwa wieħed mill-akbar veterani tal-Partit Laburista, u fil-leġiżlatura li għaddiet, huwa serva bħala l-Whip tal-grupp Parlamentari Laburista.
Bosta jaraw lil Bedinfield bħala wieħed mill-aktar persuni fil-grupp Parlamentari Laburista li huwa viċin l-eks Prim Ministru Joseph Muscat minkejja d-dell ikrah li Muscat tefa’ fuqu nnifsu.
Intant, is-Sibt tħabbar li Andy Ellul se jżomm l-irwol tiegħu bħala Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, iżda huwa ċċaqlaq mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għal dak tad-Deputat Prim Ministru.
Il-membri tal-kabinet li żammew il-pożizzjoni tagħhom fl-ewwel reshuffle ta’ din il-leġiżlatura huma dawn: Owen Bonnici, Ian Borg, Michael Falzon, Anton Refalo, Roderick Galdes, Julia Farrugia Portelli, Byron Camilleri, Clyde Caruana, Clifton Grima, Alison Zerafa Civelli, Keith Azzopardi Tanti, Rebecca Buttigieg u Alicia Bugeja Said