Il-Ministeru tal-Intern għażel li jwarrab milli jipprovdi dettalji speċifiċi dwar emendi għal-liġijiet li jirregolaw il-bouncers.
Dan b’rabta mal-inċident li seħħ matul l-ewwel tas-sena fejn ħames bouncers ġew akkużati li aggredew u kisru l-paċi pubblika fost akkużi oħrajn. Ryan Zammit ta’ 29 sena, u Riald Gragjevi mill-Albanija, li għandu wkoll 29 sena, ġew akkużati bi ġrieħi gravi u nżammu taħt arrest preventiv.
It-tliet bouncers l-oħra tressqu fuq akkużi simili, Ivan Marjanovic ta’ 46 sena u Aleksandar Kovacic ta’ 28 sena, it-tnejn Serbi, wieġbu ħatja li aggredew u kisru l-paċi pubblika. Dawn iż-żewġ bouncers apoloġizzaw lil dak li attakkaw u ġew immultati €100 kull wieħed filwaqt li t-tielet raġel, Petar Bajic ta’ 36 sena, ukoll mis-Serbja, wieġeb mhux ħati.
Barra minn hekk instab li Ryan Zammit ma kellux il-liċenzja biex jaħdem ix-xogħol ta’ bouncer. Din il-kwistjoni ilha titqajjem għal diversi snin. Fil-fatt, fl-2017, ħames persuni nstabu li kienu mingħajr il-liċenzja, iżda minkejja dan, ftit li xejn sar sabiex il-liġi tal-liċenzja tal-bouncers tiġi infurzata.
Il-Ministeru, iżda, enfasizza li l-pussess ta’ liċenzja ta’ bouncer ma jagħtix id-dritt lill-individwi li jwettqu atti ta’ vjolenza. Minflok, sostna kif il-Korp tal-Pulizija ġie allokat aktar riżorsi u adottat approċċ ta’ intelligence-led policing, partikolarment f’żoni li jkunu ffullati bin-nies bħal Paceville.
Minkejja dawn il-passi pożittivi, il-Ministeru baqa’ vag dwar xi riformi konkreti biex jirregolaw il-bouncers.
L-Aġenzija għall-Infurzar tal-Liġi u s-Sigurtà (LESA) se tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inklużi kameras tas-sigurtà konnessi mal-kmamar tal-kontroll, kemm tal-LESA kif ukoll tal-Pulizija. Din l-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb is-sigurtà f’żoni bħal Paceville, billi taġixxi, kemm bħala deterrent, kif ukoll bħala għodda għal reazzjoni rapida kontra attivitajiet kriminali, iżda attwalment mhix se tgħin fil-ġlieda kontra bouncers mhux liċenzjati.
Il-gazzetta ILLUM bagħtet xi mistoqsijiet ukoll lill-Korp tal-Pulizija, fejn spjegaw kif wieħed jikseb liċenzja Private Entertainment Guardian. Biex wieħed jikseb il-liċenzja ta’ Gwardjan Privat, wieħed irid itemm kors ta’ Gwardjani Privati għal Postijiet ta’ Divertiment u jgħaddi minn proċess ta’ due diligence. Il-proċess jinvolvi verifika ta’ kwalunkwe każ fil-passat fil-Qrati Maltin, u għall-barranin, isiru kontrolli addizzjonali mal-awtoritajiet lokali u barranin.
Preżentement hemm 105 persuni bil-liċenzja msemmija. Finalment, meta mistoqsija fuq l-ammont ta’ spezzjonijiet, saħqu li l-ispezzjonijiet isiru waqt rondi tal-pulizija u minn entitajiet oħra. Madankollu ma qalux kemm saru spezzjonijiet fl-2023.