70Km ta’ cables ġodda taħt l-art biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku
Dawn il-cables mistennija jkomplu jsaħħu n-netwerk tal-elettriku, speċjalment matul l-eqqel tas-sajf
More in Politika
Dawn il-cables mistennija jkomplu jsaħħu n-netwerk tal-elettriku, speċjalment matul l-eqqel tas-sajf
Enemalta qed tikkollabora ma’ Infrastructure Malta, ma’ Transport Malta u ma’ diversi kunsilli lokali biex jiżdiedu aktar minn 70 kilometru ta’ cables ta’ 11-kilovolt taħt l-art fejn umbgħad se jingħaqdu mal-grid nazzjonali fix-xhur li ġejjin.
It-tliet entitajiet qed jikkoordinaw il-ħidma f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż fothom: f’Ħad-Dingli, fl-Imtarfa, fil-Mosta, fin-Naxxar, f’Ħal Kirkop, fiż-Żurrieq, f’Bormla, f’Ħaż-Żabbar, fil-Kalkara, fil-Gudja, f’Ta’ Qali u fix-Xgħajra.
Barra l-proġett ta’ 11-il kilovolt ta’ cables, Enemalta qed tkompli timplimenta l-pjan tagħha għas-sitt snin li ġejjin biex tissaħħaħ l-infrastruttura fid-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi, Chris Bonett, u s-Sindku ta’ Ħad-Dingli, Raymond Schembri żaru aktar minn 100 ħaddiem f’Ħad-Dingli waqt it-tqegħid ta’ cables.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza ta’ dan ix-xogħol hekk kifjoħloq aktar konnessjonijiet alternattivi bejn partijiet differenti tal-pajjiż, inaqqas ir-riskju li jkun hemm diffikultà fil-provvista tal-konsumaturi, filwaqt li jgħinu lill-Enemalta tagħti lura l-provvista f’inqas ħin meta jinqalgħu diffikultajiet.
Minn naħa tiegħu l-Ministru Chris Bonett esprima sodisfazzjon u saħaq fuq il-prijoritajiet li jiffukaw fuq il-bżonnijiet taċ-ċittadin. Huwa qal li se tibqa’ għadejja l-kordinazzjoni konġunta minn Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta, biex titnaqqas l-inkonvenjenza.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, Ryan Fava, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, u d-Direttur fuq it-Taqsima tal-Permessi tax-Xogħlijiet fit-Toroq ta’ Transport Malta, Edric Micallef kienu preżenti.