Grech jitkaxkar hekk kif il-Labour jaffaċċja l-assenteiżmu

Il-messaġġ huwa ċar. Grech m’għandux ċans u jidher sfiduċjat minn niesu stess, filwaqt li l-Labour għad għandu ċorma nies li kienu vvutawlu u li mhux se jivvutaw

Il-fiduċja fil-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela żdiedet b’erba’ punti minn Diċembru ’l hawn, waqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech niżel għal 17-il punt. Dan huwa żvelat illum f’sondaġġ mill-gazzetta MaltaToday.

Fis-sondaġġ, Abela żied ċarament għax kien hemm żieda fin-numru ta’ votanti Laburisti fin-Nofsinhar ta’ Malta li din id-darba għażlu li jgħidu li se jivvutaw għall-PL. Imma jibqa’ fatt li ma’ 42 fil-mija tal-elettorat ma jafdawx la lil Abela u lanqas lil Grech. 

Il-messaġġ huwa ċar. Grech m’għandux ċans u jidher sfiduċjat minn niesu stess, filwaqt li l-Labour għad għandu ċorma nies li kienu vvutawlu u li mhux se jivvutaw.

Fl-istess sondaġġ jidher li kieku kellha ssir elezzjoni għada, il-PL jirbaħ b’madwar 15,000 vot. Dan aktarx ikompli jitla’ hekk kif nersqu lejn l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju. Bernard Grech, li huwa determinat jibqa’ Kap tal-PN, tilef erba’ punti mill-aħħar sondaġġ tal-MaltaToday li seħħ f’Diċembru.

Id-distakk bejn iż-żewġ mexxejja politiċi kiber; kontra dak li s-soltu jiġri f’nofs leġiżlatura.Għal Grech, l-agħar waħda hi li l-maġġoranza ta’ dawk li se jivvutaw għall-PN ma jafdawhx. Grech, li qatt ma kien attiv fil-PN, ġie elett wara li Adrian Delia kien ġie sfiduċjat. Iżda Grech naqas milli jimpressjona u wisq aktar javvanza lill-PN.

Infatti 46% biss ta’ votanti Nazzjonalisti jafdaw lil Grech. Fis-sondaġġi, sinjal pożittiv għal politikant hu meta jkun aktar popolari mill-partit tiegħu stess. Meta jkun anqas popolari mill-partit tiegħu jfisser li hemm problemi kbar.

Dan huwa l-każ għal Grech illum.Skont is-sondaġġ tal-MaltaToday, Grech bħala kap huwa l-iktar aspett inkwetanti fil-PN u qed ikun ta’ piż għall-partit. Filwaqt li 46% tan-Nazzjonalisti jafdaw lil Grech, mal-94% (minn 83% f’Diċembru) ta’ votanti Laburisti jafdaw lil Abela.

Indikazzjoni li l-messaġġi xejn sottili li bagħat Abela fil-konfront tal-Eks Prim Ministru Laburista Joseph Muscat swew għal xi ħaġa.L-iktar kategorija li ma jafdawx lil Abela u lil Grech huma dawk bi dħul pjuttost għoli.

Fil-kategorija ta’ dawk li jaqilgħu iktar minn €4,000 f’xahar huma biss 10% li jafdaw lil Grech. Min-naħa l-oħra, 46% minn dawn, jafdaw lil Robert Abela. Sinjal ċar li min huwa involut jew konness mal-business jafda aktar lil Abela. 

 

More in Politika