Wieħed minn kull erbgħa min-nies li ħadu sehem fis-sondaġġ tal-gazzetta oħt - MaltaToday - jemmnu li l-gwerra f’Gaża hija l-ikbar sfida għall-Unjoni Ewropea bħalissa.
F’mistoqsija miftuħa, il-korrispondenti kellhom iċ-ċans isemmu kwalunkwe sfida li huma jaħsbu li l-Unjoni Ewropea qed taffaċċja.
Il-gwerra f’Gaża tissupera inkwiet dwar il-gwerra fl-Ukrajna, l-inflazzjoni, l-imigrazzjoni u anke l-bidla fil-klima, skont il-Maltin.
Is-sondaġġ żvela differenzi kbar fit-tweġiba bejn votanti Laburisti u dawk Nazzjonalisti. Dan għaliex filwaqt li l-Laburisti jemmnu li l-UE hi okkupata l-aktar bil-gwerra fil-Lvant Nofsani, in-Nazzjonalisti qalu li l-UE hija aktar okkupata bil-gwerra fl-Ukrajna.
34% ta’ votanti Laburisti u 20% ta’ votanti Nazzjonalisti taw l-istess tweġiba li l-ikbar sfida hija l-gwerra tal-Lvant Nofsani. Min-naħa l-oħra, 24% tal-votanti Nazzjonalisti u 13% tal-votanti Laburisti qablu li l-gwerra Ukrena hija l-ikbar sfida.
Dawk li ma jivvutawx ukoll xeqilbu lejn il-gwerra tal-Lvant Nofsani bħala l-ikbar sfida b’24%, filwaqt li 14% qablu li hija dik Ukrena.
Il-Gwerra f’Gaża taf tilgħab irwol importanti fid-djalogu għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej
Minkejja illi fis-sondaġġ tal-gazzetta oħt, MaltaToday, issemmew sfidi oħra, dik tal-gwerra f’Gaża spikkat.
Skont il-Maltin sfidi oħra li qed taffaċċja l-UE huma l-inflazzjoni (16.5%), l-immigrazzjoni (16.4%) u l-gwerra fl-Ukrajna (16%).
Problemi oħra msemmija ta’ inqas sfida kienu l-korruzzjoni (10%), politiki u strutturi Ewropej (2.5%) u l-bidla fil-klima (2.2%).
Minn dawn ir-riżultati jidher li l-azzjoni dgħajfa tal-UE fir-rigward tal-imġiba Iżraeljana fuq Gaża se tkun tema li se tispikka fl-elezzjonijiet tal-membri parlamentari Ewropej li ġejjin.
Il-gwerra tal-Lvant Nofsani diġà ħatfet ħajjet 28,000 persuna, inklużi 12,000 tifel u tifla wara li l-Ħamas attakka lil Iżrael lura f’Ottubru tal-2023.
Għalkemm kien hemm konsensus bejn iż-żewġ naħat li kkundannaw l-azzjonijiet ta’ Iżrael u l-attakki mill-Ħamas, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet ikkritikata mill-MEPs Laburisti u s-soċjetà ċivili fuq numru ta’ okkażjonijiet talli fi kliemhom, “ma kinitx daqshekk voċifera” fl-ikkundar ta’ Iżrael.
NGOs bħal Moviment Graffitti, Aditus, Peacelab u Integra Foundation talbu wkoll rispons aktar voċiferu mill-Gvern, u jingħaqad fil-każ tal-Afrika t’Isfel kontra Iżrael fl-ogħla qorti tal-Ġnus Magħquda.
Il-Maltin jaħsbu li l-UE mhix tinkwieta wisq fuq it-tibdil tal-klima
Il-problema li qed taffaċċcja l-umanità bit-tibdil tal-klima kienet waħda mill-inqas imsemmija fis-sondaġġ.
Wieħed minn kull ħamsin rispondent ikkunsidra din bħala l-akbar sfida għall-UE.
Inkwiet fuq il-klima kien innutat aktar fost persuni ta’ bejn is-sittax-il sena u l-ħamsa u tletin sena (3.5%), u dawk li segwew edukazzjoni terzjarja (4%).
L-inflazzjoni kienet iktar preokkupanti fost dawk ta’ bejn is-sittax-il sena u l-ħamsa u tletin sena (26%).
18% minn dawn wieġbu li l-gwerra tal-Lvant Nofsani hija inkwetanti. Mill-banda l-oħra, il-gwerra tal-Lvant Nofsani hija l-ikbar sfida għal dawk li għandhom iktar minn 65 sena (32%).
Tqassim reġjonali jirrifletti fil-biċċa l-kbira l-firda politika. Dawk mir-reġjun tat-Tramuntana jipperċepixxu l-invażjoni tal-Ukrajna minn Vladimir Putin bħala l-akbar sfida għall-UE (26%), filwaqt li dawk mir-reġjun tan-Nofsinhar wieġbu l-istess dwar il-gwerra fil-Lvant Nofsani (38%).
Fost dawk li għandhom edukazzjoni primarja, sekondarja u postsekondarja, irriżulta li għalihom il-gwerra fil-Lvant Nofsani hija l-akbar problema li taffaċċja l-UE. Iżda fost dawk ta’ edukazzjoni terzjarja, urew tħassib dwar l-inflazzjoni (19%) li kien kemxejn ogħla minn dak fuq il-gwerra fl-Ukrajna (18%) u l-gwerra fil-Lvant Nofsani (17%).