Xuereb jibqa’ bil-prattika privata filwaqt li hu Kap Eżekuttiv tal-FMS

Dawn iż-żewġ irwoli huma t-tnejn bżonjużi, iżda t-tnejn jirrikjedu dedikazzjoni u ħin. Meta mistoqsi dwar kif jirnexxilu jqassam ħinu u jiddedika biżżejjed ħin bejn ix-xogħol fil-klinika privata u anke biex jaqdi dmirijiet tal-FMS, Xuereb għażel li jżomm lura milli jagħti tweġiba

Il-Kap Eżekuttiv ta' FMS, u kardjologu, Robert Xuereb
Il-Kap Eżekuttiv ta' FMS, u kardjologu, Robert Xuereb

It-Tabib Robert Xuereb, riċentement inkarigat bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, ikkonferma mal-ILLUM li se jkompli l-prattika privata tiegħu. 

“Inħares ’il quddiem li nibqa’ nkun ta’ servizz għal pajjiżi u għall-pazjenti, bħalm’għamilt matul il-karriera kollha tiegħi, din id-darba b’responsabbiltà parallella li niddereġi mat-tim tal-FMS it-tfassil u l-eżekuzzjoni tal-infrastruttura pubblika tas-saħħa, bil-bżonnijiet tal-pazjenti tagħna jibqgħu dejjem fiċ-ċentru,” Xuereb wieġeb f’risposta konċiża. 

Huwa spjega kif b’dan il-mod se jkun qed jimpenja ruħu jaqdi kemm lill-pazjenti tiegħu u joffri servizzi mediċinali u ta’ kura. Fl-istess waqt se jkun qed jaqdi wkoll lin-nazzjon permezz tar-responsabbiltajiet il-ġodda tiegħu fl-FMS. 

Dawn iż-żewġ irwoli huma t-tnejn bżonjużi, iżda t-tnejn jirrikjedu dedikazzjoni u ħin. Meta mistoqsi dwar kif jirnexxilu jqassam ħinu u jiddedika biżżejjed ħin bejn ix-xogħol fil-klinika privata u anke biex jaqdi dmirijiet tal-FMS, Xuereb għażel li jżomm lura milli jagħti tweġiba.  

Bħala kardjologu rinomat lokalment, huwa kien qed imexxi l-unit tal-kardjoloġija f’Mater Dei. Dan l-irwol irreżenja minnu ftit żmien wara l-ħatra fl-FMS. 

Xuereb kien President tas-Soċjetà Maltija tal-Kardjoloġija għal 10 snin mill-2013 u kien membru tal-kumitat tan-nomina fuq il-bord tat-tmexxija tas-Soċjetà Ewropea tal-Kardjoloġija 2020-2022. Barra minn hekk huwa rċieva l-unur tar-Repubblika mingħand il-President George Vella f’Diċembru għall-ħidma u l-kontribuzzjoni tiegħu fil-qasam tal-Kardjoloġija. 

L-irwol ta’ Kap Eżekuttiv fi ħdan l-FMS qabel kien miżmum minn Carmen Ciantar, assistent politiku mill-qrib tal-Eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Il-kariga kienet fost l-ogħla konsulenti mħallsa b’pakkett finanzjarju annwali ta’ €163,000. Ix-xogħol kien imbagħad ingħata temporanjament lill-Eks Deputat Kmandant tal-AFM u l-Kap ta’ Identità Mark Mallia aktar kmieni fi Frar, iżda jiem wara huwa tmexxa biex isir Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta. 

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) isservi bħala entità pubblika fix-xenarju tal-kura tas-saħħa ta’ Malta, inkarigata bil-ġestjoni ta’ proġetti u servizzi tekniċi li jkopru s-settur tal-kura tas-saħħa pubblika. B’mandat mill-Ministeru għas-Saħħa, l-FMS hija fdata bit-tfassil ta’ infrastruttura tal-kura tas-saħħa li tissodisfa l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-popolazzjoni. 

More in Politika