L-Infrastructure Malta qed tavża b’tiswijiet li se jkunu qed isiru matul il-lejl fil-ġimgħat li ġejjin fis-swieqi.
Kelliem għall-aġenzija qal lill-ILLUM li fid-9 u l-10, u fis-16 u s-17 t’April, ser isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fi Triq Mikiel Anton Vassalli, fil-parti li tiġi fuq il-pont tas-Swieqi.
L-aġenzija tat-toroq spjegat kif preżentament, hemm l-istruttura riġida tal-konkos li jifforma il-pont, u s-saffi li jiffurmaw il-bini tat-triq fuq kull ġenb tal-pont.
Il-ħsara osservata hi riżultat tal-varjazzjoni immedjata bejn dawk iż-żewġ tipi ta’ kostruzzjonijiet, u t-tifsija tal-ilma li setgħet ġarret jew ċediet il-materjal ta’ taħt l-asfalt, b’konsegwenza li l-wiċċ tat-triq inqasam u niżel.
Spjegat li fl-intervent ser tinbena transition slab, permezz t’estensjoni tal-gverta tal-konkos f’forma ta’ feles minn fuq l-appoġġi tal-pont biex id-differenza fil-materjal tkun gradwali.
Ix-xogħlijiet ser jikkonsistu minn tqaxxir tal-wiċċ, tpoġġija ta’ ħadid, u jingħata l-konkos ta’ din il-gverta. Fuqha tinbena f’saffi l-parti tat-triq affettwata minn dan l-intervent.
'Il-pont tas-Swieqi jinsab f’xifer li jiġġarraf?'
F'Marzu li għadda, il-kandidat indipendenti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Arnold Cassola, kien qajjem d-diskussjoni fuq l-istess pont.
Jaqsam ritratti mibgħuta lilu, hu kien staqsa jekk il-pont hux f'xifer li jiġġarraf. Staqsa ukoll x'kienu qed jistennew l-awtoritajiet biex dan il-pont jittranġa.
Fil-kumment in-nies saħansittra spekulaw li hemm periklu, li jaf "iwassal għal traġedja."
Min-naħa tagħha, l-aġenzija spjegat li ma jeżistux perikli imminenti fuq l-istruttura tal-pont antik, iżda dan xorta ser ikun fil-qalba ta’ proġett akbar għaż-żona, hekk kif imħabbar f’Jannar li għaddha.
Il-pont ser ikun qed jitneħħa u minflok isiru strutturi ġodda li jtejbu u jiffaċilitaw l-aċċess għaż-żoni ta’ Swieqi u San Ġiljan, kemm bil-pass u anke għall-vetturi. L-applikazzjoni għal dan il-proġett f’żona kruċjali f’pajjiżna ġiet sottomessa lill-Awtorita’ tal-Ippjanar.
L-aġenzija kkonkludiet tgħid li dan ix-xogħol qed isir bħala parti minn ħidma estensiva ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq toroq arterjali u distributorji matul il-lejl.
Il-ħidma, li qed issir biex il-ħsarat li ġġarrab l-infrastruttura ma tkomplix tidħol fil-fond, bdiet f’Novembru u ser tissokta sa Mejju li ġej. F’dawn is-seba’ xhur ser ikunu saru xogħlijiet f’34 triq fuq medda ta’ 13-il kilometru.