Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela laqgħu lill-President ta’ Malta George Vella u lis-Sinjura Miriam Vella fil-Berġa ta’ Kastilja għal ċena uffiċjali ad unur il-President Vella bħala turija ta’ ringrazjament għas-servizz li ta lill-Istat Malti.
Preżenti kien hemm ukoll il-President-Elett, in-Nutar Myriam Spiteri Debono.
F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela fisser lill-President George Vella bħala raġel magħġun b’valuri b’saħħithom.
Il-Prim Ministru qal li l-President Vella fittex l-ewwel il-ġid komuni u wera ġest ta’ mħabba kbira lejn il-poplu Malti u Għawdxi meta għat-tul tal-Presidenza tiegħu għażel li jissagrifika lilu nnifsu u ma jaħdimx mill-Palazz tal-Belt. Dan sabiex din il-ġawhra terġa’ lura għall-glorja tagħha permezz ta’ proġett ta’ restawr estensiv li twettaq.
Il-Prim Ministru sostna wkoll li l-Istat Malti se jibqa’ rikonoxxenti lejn is-servizz li ta Vella għal Malta.
Waqt din iċ-ċena uffiċjali saru indirizzi wkoll mill-President ta’ Malta u l-Kap tal-Oppożizzjoni.