[LIVE] Myriam Spiteri Debono illum tieħu l-ġurament tal-ħatra

L-ILLUM se tkun qed tirraporta dirett mill-Belt Valletta u San Anton fil-ġurnata meta n-nutar Myriam Spiteri Debono ssir President ta' Malta

Myriam Spiteri Debono illum tieħu l-ġurament tal-ħatra. (Grafika: Marianna Calleja. Ritratt: TVM)
Myriam Spiteri Debono illum tieħu l-ġurament tal-ħatra. (Grafika: Marianna Calleja. Ritratt: TVM)

Myriam Spiteri Debono, illum, il-Ħamis hi mistennija tieħu l-ġurament tal-ħatra, u ssir il-President ta' Malta.

Hija mistennija titlaq mir-residenza tagħha fid-9:30, fejn minn hemm taqbad triqtha għal Kon-Katidral ta' San Ġwann, fil-Belt Valletta.

 

Mal-10:00am, l-Ispeaker tal-Kamra Anglu Farrugia, il-Prim Ministru Robert Abela, u l-President George Vella jingħaqdu ma' oħra għal quddiesa mqaddsa mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Din iċ-ċeremonja hi mistennija ddum sal-11am. Il-President George Vella, hawn mistenni li jitlaq mill-Belt Valletta, filwaqt li l-Prim Ministru mill-Katidral.

 

Għall-ħabta tal-11:40am, il-Forzi Armati tibda triqtha mill-Parlament għal Pjazza San Ġorġ. Ftit wara, il-Membri Parlamentari jidħlu fis-Sala tat-Tron.

Ftit qabel nofsinhar, il-Prim Ministru mistenni jasal fi pjazza San Ġorġ u jintlaqa’ mill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-Prim Ministru mbagħad jingħata Salut Nazzjonali qabel jindaqq biċċa mill-Innu Nazzjonali.

Il-Prim Ministru jiġi eskortat minn Kurunell tal-Forzi Armati ta’ Malta sal-Kamra tal-Paġni fejn jiltaqa’ mal-Ispeaker u l-President Elett.

Ladarba l-Ispeaker jasal fil-Kamra tat-Tron għall-ħabta ta’ nofsinhar, jiftaħ is-Seduta Parlamentari, jindirizza lill-Membri Parlamentari u l-mistednin preżenti, u jissospendi s-seduta għal ftit minuti.

Madwar ħames minuti wara, il-President u s-Sinjura Vella, skortati mill-Pulizija Muntata, jaslu fi Pjazza San Ġorġ fejn jintlaqgħu mill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Wara li l-President jingħata Tislima Nazzjonali, jindaqq l-Innu Malti.

Il-President u s-Sinjura Vella mbagħad jiġu skortati lejn il-Kamra tal-Paġni mill-Kmandant tal-Forzi Armati, fejn jiltaqgħu mal-Ispeaker u l-President-Elett. Wara s-Sinjura Vella tiġi skortata sal-Sala tat-Tron.

Għall-ħabta tan-12:15pm, il-President u l-President Elett jiġu skortati sal-Sala tat-Tron mill-Ispeaker, hekk kif is-seduta tkompli.

Mumenti wara, Myriam Spiteri Debono tieħu l-Ġurament tal-Ħatra li huwa ffirmat mill-President George Vella u l-Ispeaker.

Il-Forzi Armati mbagħad jisparaw salut ta’ wieħed u għoxrin pistola mis-Saluting Battery, qabel ma l-President il-ġdida taqra u tiffirma l-Proklama li tiddikjara li assumiet il-funzjonijiet ta’ President ta’ Malta.

Għall-ħabta tan-12:20pm, il-President Myriam Spiteri Debono tagħti l-indirizz tagħha. Madwar 20 minuta wara, il-President u l-President Emeritus jiġu skortati sal-gallarija prinċipali tal-palazz.

Il-President u l-Prim Ministru mbagħad jattendu r-riċeviment fil-palazz qabel joħorġu mill-palazz lejn Pjazza San Ġorġ, fejn jingħata Tislima Nazzjonali u jindaqq l-Innu Nazzjonali.

Għall-ħabta tas-1:25pm, il-President għandha tiġi skortata lejn it-Tifkira tal-Gwerra fil-Furjana, fejn tpoġġi kuruna f’riġlejn it-Tifkira.

Imbagħad hija tmur il-Palazz ta’ Sant’ Anton f’Ħ’Attard akkumpanjata mill-Prim Ministru. Hemmhekk, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni se jagħmlu sejħa ta’ kortesija lill-President ġdid ta’ Malta.

More in Politika