Il-ħatra tal-President Myriam Spiteri Debono f'ritratti
Idħol hawn biex tara l-vjaġġ tal-President Myriam Spiteri Debono, illum, fil-ġurnata tal-ħatra tagħha

minn Marianna Calleja

In-nutar Myriam Spiteri Debono flimkien mar-raġel tagħha, telqu minn darhom fid-9:30am. Quddiem il-bieb folla ħelwa ta' Karkariżi, ġirien u ħbieb selmu lil familja Spiteri Debono qabel ma jaqbdu t-triq għal Belt Valletta.
Sa nofs siegħa wara, il-President waslet fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann, fil-Belt.


Flimkien ma' membri parlamentari, kemm tal-Partit Nazzjonalista u tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, qraba u ħbieb, il-President segwew quddiesa mqaddsa mill-Arċisqof Charles Scicluna.


Mat-tmiem tal-quddies, il-President Emeritus flimkien mas-Sinjura Vella marru bil-karozza lejn il-Palazz tal-Granmastru.
Warajhom ħarġu l-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat minn martu Dr Lydia Abela. Huma wkoll marru il-Palazz bil-karozza tagħhom.
Min-naħa l-oħra, il-President Myriam Spiteri Debono, flimkien ma żewġha George, u l-Ispeaker tal-Kamra Anglu Farrugia, mxiet qalb in-nies, minn Triq ir-Repubblika għal Misraħ San Ġorġ.


Tisraq tgħanniqa ta' malajr, bi tbissima, u dħulija dejjem, Spiteri Debono tkellmet man-nies, mat-tfal u mat-turisti li nġabru fit-triq.


Mal-wasla tal-MPs u anke tal-President fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-banda tal-Forzi Armati, flimkien mal-uffiċjali, preparaw sabiex jilqgħu lill-Prim Ministru Robert Abela u ftit mumenti wara lill-President Emeritus George Vella.


Għat-tnejn, il-banda u l-armata taw salut nazzjonali, fejn indaqqu l-ewwel tmien battuti tal-Innu Malti.


Mumenti wara, Myriam Spiteri Debono ħadet il-Ġurament tal-Ħatra ffirmat mill-President George Vella u l-Ispeaker.


Għall-ħabta tan-12:20pm, il-President Myriam Spiteri Debono indirizzat lin-nazzjon għall-ewwel darba, b'diskors b'saħtu, b'talba waħda għall-għaqda u l-paċi.

Wara, il-President ġiet skortata lejn it-Tifkira tal-Gwerra fil-Furjana, fejn poġġiet kuruna f’riġlejn il-monument.

Imbagħad qabdet it-triq għar-residenza uffiċjali tagħha, għal dawn il-ħames snin li ġejjin, il-Palazz ta’ Sant’ Anton f’Ħ’Attard.
Hemm hi ġiet akkumpanjata mill-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn b'mod separat għamlu sejħa ta’ kortesija lill-President ġdid ta’ Malta.

