Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UHM) qalet mal-gazzetta ILLUM li ma tara l-ebda stigma li qed iżżomm lura lin-nisa fil-post tax-xogħol.
“Is-suq tax-xogħol fl-aħħar 10 snin inbidel kompletament u d-diskrepanzi bejn is-sessi naqsu konsiderevolment,” tgħid il-union.
L-ILLUM staqsiet għall-kummenti tal-UHM b’reazzjoni għal numri maħruġin mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ġimagħtejn ilu.
Il-UHM spjegat li l-persentaġġ fl-aħħar kwart tal-2023 hu iktar mill-istess kwart tal-2022, meta kien hemm 30% tal-meniġers li kienu nisa.
“Probabbilment, sa ftit snin oħra, ir-rata ta’ nisa se tkun għoliet jekk mhux qabżet il-50%,” kompliet tispjega.
Qalet ukoll li l-UHM qatt ma tagħmel distinzjoni bejn irġiel u nisa meta tiġi biex tinnegozja l-pagi f’xi ftehim kollettiv. Għalhekk li l-problema tal-pagi ssibha fejn m’hemmx unions.
“Għalhekk nemmnu li jekk verament irid isir aktar biex ikunu miġġielda ċerti inġustizzji, hu kruċjali li l-unions ikunu involuti u jsir in-negozjar kollettiv. Dan jorbot ukoll mal-proposta tal-UHM li ħaddiema bi dħul baxx għandhom ikunu msieħba f’union tal-għażla tagħhom b’mod mandatorju. Jekk mhux se nkunu paternalistiċi f’din il-kwistjoni, is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar.”
Fil-kummenti mal-ILLUM, il-UHM fakkret fil-proposta tagħhom li fejn hemm ġenituri li jaħdmu t-tnejn, għandu jidħol id-dritt li xi ħadd minnhom ikun jista’ jingħata faċilità ta’ flexitime jew sigħat ridotti.
“B’dan il-mod l-għażla ta’ min jieħu ħsieb id-dar tibqa’ fuq il-ġenituri imma fl-istess ħin ikun hemm l-appoġġ meħtieġ biex ikun hemm bilanċ aħjar bejn familja u xogħol,” il-UHM tgħid.
Hija żiedet tgħid li l-UHM dejjem disposta tagħti l-appoġġ tagħha biex ikun hemm bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja, irrispettivament jekk tkunx l-omm jew il-missier li joqgħod id-dar. Madankollu, l-għoli tal-ħajja ftit li xejn iħalli għażla jekk il-ġenituri jaħdmux it-tnejn full-time minkejja li jibqgħalhom l-obbligu li jrabbu speċjalment meta t-tfal ikunu għadhom żgħar.
“Għalhekk għandha tkun kunsidrata tip ta’ leġiżlazzjoni li tipproteġi d-dritt tat-trobbija u min se jkun qed jieħu din ir-responsabbiltà.”
Mistoqsija x’kundizzjonijiet ifittxu l-familji jew l-ommijiet li jaħdmu, il-UHM qalet li l-ikbar talba hi għall-flessibbiltà b’tali mod li jinħoloq bilanċ aħjar mal-familja. Dan jinkludi l-faċilità li wieħed jaħdem mid-dar, flexitime, sigħat ridotti, leave urġenti tal-familja, kif ukoll l-implimentazzjoni b’mod aktar sħiħ tal-Work-life Balance Directive.
Fakkret li mhux kull mara hi omm, u għal dawk li mhumiex, m’hemm xejn xi jżommhom milli javvanzaw fil-karriera. Qalet ukoll li fil-każ ta’ politika nazzjonali żgur li ma hemm l-ebda xkiel.
“F’każ li xi post tax-xogħol partikolari jkun hemm xi forma ta’ diskriminazzjoni, ninsabu f’sitwazzjoni fejn tant hemm opportunitajiet li l-ħaddiema milquta xorta għandhom fejn jimirħu għax isibu post ieħor fejn ma jkunx hemm atteġġjament bħal dan. L-ikbar problema tkun f’relazzjonijiet personali fejn l-attitudni tkun li x-xogħol tad-dar hu responsabbiltà tal-mara. Min-naħa l-oħra hu fatt ukoll li l-parteċipazzjoni tal-irġiel fix-xogħol tad-dar żdiedet.