Il-Prim Ministru Robert Abela ddiżapuntat li l-proċess verbal tal-inkjesta maġisterjal tal-Vitals sabet it-tmiem tagħha issa, “b’għażla” tal-Maġistrat.
F’kummenti lill-ġurnalisti fi tmiem tal-kabinett speċjali t-Tlieta fiż-Żejtun, Abela fakkar li l-inkjesta kellha tingħalaq wara sittin jum iżda minflok ħadet erba’ snin u nofs u ngħalqet proprju mal-ftuħ tal-kandidatura għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Abela qal li minkejja kollox hu bniedem li jemmen fil-ġustizzja, bħal ma dejjem emmen li l-ġustizzja m’għandhiex tiġi ppolitiċizzata.
Il-Prim Ministru qal li l-pass li jmiss hu li ssir analiżi b’serenità u b’kalma, kemm tal-inkjesta nfisha u anke tar-ritmu li l-inkjesta mxiet bih fl-aħħar snin.
Dak li kien irraportat sa issa
It-Tnejn waranofsinhar, l-ILLUM irraportat fuq kif tħassib serju ħakem il-Partit Laburista wara spekulazzjoni fi ħdan iċ-ċrieki legali li l-maġistrat responsabbli mill-inkjesta tal-isptarijiet għaddiet is-sejbiet tagħha lill-Avukat Ġenerali.
Għalkemm il-konferma ġiet it-Tlieta folgħodu, il-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela f’diskors lil patitarji u delegati tal-PL, għamel kummenti pjuttost iebsa, bl-osservaturi jinterpretaw kliemu bħala twiddiba lill-ġudikatura.
It-Tnejn filgħaxija, il-gazzetta oħt, MaltaToday, Abela reġa' wissa lill-ġudikatura biex ma tidħolx f’“terroriżmu politiku”.
Kmieni t-tlieta filgħodu, Joseph Muscat flimkien mal-NGO Repubblika, daħlu l-Qorti għas-smigħ ta' seduta li kkonfermat li l-inkjesta tal-Vitals tingħalaq, b'78 kaxxa ta' evidenza f'idejn l-AĠ.
Mat-tokki ta' nofsinhar, it-Tlieta stess, numru ta' reazzjonijiet bdew jidħlu inkluż mill-NGO Repubblika li talbet għall-publikazzjoni sħiħa tal-inkjesta Vitals.
Min-naħa tiegħu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, għamel konferenza stampa fil-lukanda Excelsior, madwar is-2pm, fejn akkuża numru ta' istituzzjonijiet li qegħdin jaħdmu kontra l-Laburisti.
Ftit qabel, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, indirizza lin-nazzjon. Fi kliem dirett, talab lill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jaġixxu minnufih u mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.