Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal lill-grupp parlamentari li huwa m'għandhux problema jirriżenja, jekk ismu jitfaċċa mas-suspettati fl-inkjesta Vitals, u l-grupp jitolbu jagħmel dan.
Tirraporta dan, il-gazzetta oħt, MaltaToday, qalet li tkellmet ma numru ta’ sorsi qrib il-Partit Laburista li kkonfermaw dan.
Sors minnhom qal li Fearne qalilhom li bosta qalulu li ismu qiegħed fil-konklużjonijiet tal-inkjesta.
Is-sorsi qalu li Fearne qal dan b’dispjaċir, u minkejja ċ-ċapċipa li hu ngħata minn sħabu, il-kliem qalu b’dieqa kbira.
Id-Deputat Prim Ministru kien segretarju parlamentari tas-saħħa taħt Konrad Mizzi meta l-ftehim tal-isptarijiet ġie konkluż ma’ Vitals Global Healthcare fl-2015 u aktar tard ministru għas-saħħa meta l-konċessjoni ġiet trasferita lil Steward Health Care fl-2018.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kien ikkummenta fit-tielet rapport tiegħu dwar il-ftehim tal-isptarijiet is-sena l-oħra li Mizzi kkonkluda ftehimiet sekondarji ma’ Steward Health Care wara l-2018 minn wara dahar Fearne.
Mizzi kien l-interlokutur magħżul mill-gvern ma’ Steward u l-NAO akkużah li qarraq bil-Kabinett fuq garanzija mogħtija lill-kumpanija Amerikana li jitħallsu €100 miljun jekk il-qrati jirrevokaw il-ftehim.
Id-Deputat Prim Ministru mistenni jkun in-nomina ta’ Malta għal Kummissarju Ewropew wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju, prospett li jista’ jiġi mormi jekk jiġi akkużat.
Il-maġistrat temmet l-inkjesta tagħha l-ġimgħa li għaddiet u għaddiet ir-rapport flimkien ma’ 78 kaxxa ta’ evidenza lill-Avukat Ġenerali.
Il-konklużjonijiet tal-maġistrat mhumiex pubbliċi.
L-unika informazzjoni li ħarġet s’issa hija li Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri huma fost lista twila ta’ individwi u kumpaniji suspettati b’aġir ħażin.
Is-sorsi tal-PL, li mhumiex konxji tas-sejbiet tal-inkjesta, qalu lill-MaltaToday li l-informazzjoni li qed iddur se tagħmel ħsara kbira lill-gvern.
Mhux ċar kif Fearne seta’ deher fl-inkjesta, meta wieħed iqis is-sejbiet tal-NAO iżda s-sorsi indikaw li l-lista tal-ismijiet x’aktarx tinkludi diversi uffiċjali għolja tal-gvern u possibbilment dik ta’ ministru ieħor.