Membri fi ħdan il-Kumitat Ewropew għas-Saħħa qed jiddubitaw in-nomina tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għal post ta’ Kummissarju Ewropew.
Fearne, li ċaħad l-akkużi, kien ikkunsidrat minn ta’ quddiem biex jieħu post Stella Kyriakides bħala Kummissarju għas-Saħħa wara l-elezzjoni tal-UE.
Huwa kien l-iktar ministru tas-saħħa fl-Ewropa li ilu jservi sakemm ġie mċaqlaq f'pożizzjoni differenti fir-reshuffle ta’ Jannar.
Is-sena li għaddiet ippresieda l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, u huwa viċi-president tal-Grupp tal-Mexxejja Globali dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi.
Biex jidħol fil-Kulleġġ tal-Kummissarji bħala kummissarju tas-saħħa, madankollu, Fearne jeħtieġ li jkun approvat kemm mill-Kumitat għall-Ambjent u s-Saħħa tal-Parlament (ENVI) kif ukoll mill-Kunsill.
Fl-2019 il-Parlament Ewropew kien irrifjuta l-għażla inizjali tal-President Franċiż Emmanuel Macron għall-Kummissarju, Sylvie Goulard, minħabba etika. Il-MPEs ċaħdu wkoll in-nominazzjonijiet mill-Ungerija u r-Rumanija minħabba allegat kunflitt ta' interess.
Mistoqsi dwar dan minn POLITICO, l-MEP Laburista Cyrus Engerer qal li l-Parlament Ewropew jieħu l-ħatra ta’ Kummissarju bis-serjetà ħafna.
Imma skont POLITICO, Engerer ma kienx l-unika wieħed li wera’ xi tħassib.
L-MEP Slovena Irena Joveva, kienet ċara daqs il-kristall illi n-nominazzjoni m’għandhiex tibqa’, minkejja li id-dritt ta’ kulħadd li jiġi preżunt innoċenti sakemm jiġi ppruvat ħati.
Min-naħa tagħha, l-MEP Irlandiża Grace O’Sullivan, qalet li taraha diffiċli li n-nomina tiegħu tibqa’ fuq il-mejda, meta dan “qed jaffaċja akkużi serji.”
MEP Irlandiż ieħor, Billy Kelleher, ammetta ma’ POLITICO li ma jivvotax lil Fearne jekk dan ikun għadu qed jaffaċja l-akkużi fil-qorti.