Marija Sara Vella Gafà | 'Ħdejn kif konna, ma ngergru xejn!'

'Minħabba li rasha iebsa u tirrifjuta li tirrikonoxxi l-metodi ta’ dan il-partit li qegħdin irebbħuh elezzjoni wara oħra, l-oppożizzjoni tibqa’ tħares lejn id-dinja biss bl-għamad tan-negattività'

Tul din il-mixja biex nirrappreżenta lil pajjiżi bħala membru Ewroparlamentari, qed inressaq ’il quddiem diversi proposti li nemmen li jistgħu jtejbulna ħajjitna. Qed nisħaq fuq is-saħħa mentali, qed nitkellem fuq il-kwalità tal-ħajja, qed ninsisti li l-banek jaqdu lill-klijenti b’inqas burokraziji, qed nitkellem fuq il-ħtieġa serja ta’ aktar akkomodazzjoni affordabbli.  

Riċentement, però, kelli episodju waqt waħda miż-żjarat li qed nagħmel bieb bieb, fejn raġel tal-familja wieġeb hekk meta staqsejtu kif inhu għaddej: “Ħdejn kif konna, ma ngergru xejn!” Kliemu reġa’ beda jidwi f’moħħi meta smajt id-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, nhar l-Erbgħa li għadda fl-ewwel ta’ Mejju: il-jum tagħna l-ħaddiema. 

Il-Prim Ministru fakkar fiż-żminijiet diffiċli li kellna ngħaddu minnhom, meta l-kontijiet tad-dawl kienu fost l-ogħla fl-Ewropa, il-qgħad laħaq it-tmint elef, u l-faqar kien jitqies bħala biss perċezzjoni. Dak kien ir-riżultat tal-mudell ekonomiku tal-Partit Nazzjonalista, li lil nies bħal dak ir-raġel li fetaħli l-bieb kienu wassluh biex qatgħulu qalbu kompletament mill-ħajja. Tgħiduli, qed tesaġera. Le, m’iniex. Dan ir-raġel irrakkontali kif kien ikollu jagħżel bejn li jixtri oġġetti essenzjali bħal ħwejjeġ lil uliedu u jħallas il-kontijiet tad-dawl.  

B’kuntrast, il-Partit Laburista affronta sfidi ferm ikbar — pandemija, gwerer, u xokkijiet fil-prezzijiet internazzjonali. F’kull mument, il-Partit tal-ħaddiema, żamm il-piżijiet ’il bogħod minna ċ-ċittadini. Il-prinċipju soċjalist u Laburist dejjem baqa’ wieħed li jappoġġja lill-ħaddiem. B’hekk, illum, jien stess qed nikkampanja favur suġġetti li, għalkemm importanti, huma aktar intiżi li jtejbu l-kwalità ta’ ħajjitna. Għax il-politika taħt tmexxija Laburista hija politika li ttik nifs, li tippermettilek tħares lejn kif ħajtek tista’ titjieb, u mhux kif se tlaħħaq fl-aħħar tax-xahar.  

Minħabba li rasha iebsa u tirrifjuta li tirrikonoxxi l-metodi ta’ dan il-partit li qegħdin irebbħuh elezzjoni wara oħra, l-oppożizzjoni tibqa’ tħares lejn id-dinja biss bl-għamad tan-negattività. Anzi, qed inkun ħanina. Aħjar ngħid li ma jimpurtahom xejn mill-ħaddiem u jibqgħu jinsistu li l-isfidi jixħtuhom fuqna. Jinsistu li la l-prezzijiet tal-enerġija qed jogħlew, il-prezzijiet f’Malta għandhom jogħlew ukoll. Għalihom, is-sostenn mhux sostenibbli. Isejħu l-iskema Stabbiltà perikoluża. Ma jifhmux li meta tgħin lill-ħaddiema, dan iwassal għal ekonomija li mhix staġnata, u li minnha ngawdu lkoll.   

Kien kliem siewi dak li qal il-Prim Ministru nhar l-Erbgħa: ma nistgħux nieħdu l-affarijiet for granted, il-ħajja titlob li nkomplu mixjin ’il quddiem, u ma nistgħux nieqfu fit-triq li qbadna ta’ prosperità u tkabbir ekonomiku. Però dan il-kliem ma qalux mingħajr twissija, ċioè li dawk li ma jemmnux fil-moviment soċjalista se jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex ifixklu l-progress. Il-fatti huma li huma u l-istorja tgħallimna. Anke meta l-Partit Laburista rebaħ bl-akbar distakk fl-istorja, il-forzi tal-establishment baqgħu jippruvaw ifixklu s-serenità tal-pajjiż. Kien f’waqtu l-appell biex ħadd ma jaqa’ għall-provokazzjoni.  

Fuq kollox kien f’waqtu li wieġeb hu stess għal din il-provokazzjoni, bi pjan ta’ aktar ħidma. Mela fuq naħa għandek partit li qata’ qalbu anke li jħejji rapport tat-telfa, u fuq naħa oħra partit li, affaċċjat bl-ostakli kollha possibbli, jibqa’ joffri viżjoni u juri biċ-ċar kif din il-viżjoni qed issir realtà. Tant hu hekk, li fil-ġimgħat li ġejjin, waqt li n-nies madwar l-Ewropa qed iħossu l-piżijiet tqal tal-ħajja, hawn Malta se naraw benefiċċji sinifikanti: żidiet fil-pagi għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, żidiet fil-pensjonijiet, u benefiċċju ġdid ta’ €500 fis-sena għal tliet snin għall-ġenituri bi tfal li qed jistudjaw. Dan il-partit li introduċa l-carer’s leave, saħħaħ il-parental leave u żied il-paternity leave. Dan hu l-partit li rrestawra l-festi pubbliċi li kienu ttieħdu, u żied iċ-children’s allowance, filwaqt li ħaddieħor kien dejjem qed inaqqar minnhom. 

Din il-viżjoni ta’ progress u sostenn kontinwu hija l-garanzija li jien u sħabi kandidati nistgħu noffru. Għandkom tivvutaw għall-Partit Laburista u l-kandidati kollha tiegħu fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, mhux biss biex tgħidu “le” għat-tattiċi u l-politika antikwata tal-Partit Nazzjonalista, imma għax aħna nibqgħu l-aqwa forza ta’ progress fil-pajjiż. Afdaw il-vot tagħkom fina.  

 

More in Politika