Il-Partit Laburista jintlaqat minn terremot

Dan kollu jfisser li l-PL se jkollu aktarx jinnomina lil Miriam Dalli għal Kummissarju. Imma min-naħa l-oħra ħa jinħoloq vojt kbir għax il-Gvern irid jara kif ser jimla, kemm il-Ministeru ta’ Dalli, kif ukoll ta’ Fearne

Terremot laqat lill-Partit Laburista wara li rriżenja Chris Fearne, id-Deputat Prim Ministru u l-istilla tal-Gvern Laburista fi żmien il-pandemija, u jħalli l-Abela qed iħokk rasu min se jkun in-nomina tal-Gvern għal Kummissarju u min se jitla’ l-iskaluna.  

Fearne qed jaffaċċja akkużi kriminali wara li ftit ġimgħat ilu l-Maġistrat Gabriella Vella għalqet l-inkjesta Vitals u għaddiet 78 kaxxa t’evidenza lill-Avukat Ġenerali.  

Fil-jiem li ġejjin, Fearne mistenni jitressaq il-Qorti b’akkużi ta’ miżapproprjazzjoni u frodi fil-kapaċità tiegħu ta’ Ministru tas-Saħħa bejn l-2016 u l-2024. Chris Fearne se jibqa’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet Parlamentari. Ir-riżenja ta’ Edward Scicluna bħala Gvernatur hija mistennija fil-ġranet li ġejjin. U joħloq problema oħra għal Abela biex isib sostitut floku. 

Minkejja kollox, Fearne qed jinsisti li huwa innoċenti u l-Prim Ministru Robert Abela juri fiduċja assolut fih. 

Chris Fearne se jibqa’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet Parlamentari. 

Minkejja kollox Fearne qed jinsisti li huwa innoċenti, bil-Prim Ministru juri fiduċja fih. 

Iwieġeb wara laqgħa tal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista li saret ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li għalissa Fearne se jkun Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament. 

Iżda Fearne kien ukoll in-nomina tal-Gvern għall-Kummissarju Ewropew, kwistjoni li l-Eks Deputat Prim Ministru talab li tiġi rtirata. 

Għal dan, il-Prim Ministru wieġeb li għad trid tittieħed deċiżjoni fi stadju aktar tard. 

Dan kollu jfisser li l-PL se jkollu aktarx jinnomina lil Miriam Dalli għal Kummissarju. Imma min-naħa l-oħra ħa jinħoloq vojt kbir għax il-Gvern irid jara kif ser jimla, kemm il-Ministeru ta’ Dalli, kif ukoll ta’ Fearne. U dan għaliex hemm nuqqas ta’ politiċi eletti li jistgħu jimlew dan ir-rwol. 

Ir-rimarki li Abela għamel jagħtu l-wieħed x’jifhem li mhux se tittieħed deċiżjoni dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet sal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju. 

Meta mistoqsi dwar il-futur tiegħu, Fearne wieġeb li din hija kwistjoni li l-partit jiddeċiedi internament. 

Ħadd mid-Deputati Laburisti l-oħra ma ta kummenti hekk kif telqu mil-laqgħa. 

More in Politika