Abela jħabbar għotja ta’ €1,500 lil ġenituri ta’ studenti f'post-sekondarja
Qalb l-istudenti, ġimgħatejn qabel l-elezzjonijiet ta' Ġunju, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li ġenituri ta' studenti f'post sekondarja, se jirċievu għotja ta’ €500 fis-sena, għal tliet snin
minn Marianna Calleja
Fi tmien din il-ġimgħa, ser tibda’ titħaddem il-miżura ta’ għotja ta’ €1,500, mqassma fuq tliet snin, lil ġenituri bi studenti li komplew bl-istudji tagħhom wara l-edukazzjoni obbligatorja. Fil-każ li studenti jgħixu għal rashom, il-pagament jasal għand l-istudent.
Il-miżura, proposta tal-Baġit 2024, se tara madwar 9,600 familja u 10,500 student li baqgħu jistudjaw wara l-edukazzjoni post-sekondarja, jirċievu għotja ta’ €500 fis-sena.
Iħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kulleġġ Ġian Franġisk Abela, il-Junior College, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura kienet imwegħda fil-manifest u llum tagħmel parti mill-programm ta’ ħidma ‘Malta Flimkien’.
Abela fisser kif din hi miżura se tgħin lill-familji kollha iżda hi miżura li tasal aktar għand familji middle-class.
Qal li din hi miżura li trid tidħol fit-tessut soċjali tal-pajjiż "bħalma daħlu miżuri oħra bħaċ-childcare b’xejn u ċ-children’s allowance."
“Is-sinjal tal-Gvern hu ċar. Investu fl-edukazzjoni ta’ wliedkom u l-Gvern se jkun magħkom”, saħaq il-Prim Ministru.
Abela qal li l-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta biex iktar persuni jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u s-settur edukattiv huwa wieħed mill-ħames pilastri tal-viżjoni ekonomika tal-Gvern, li kien hu wkoll li saħħaħ l-istipendji.
Abela, li kien għadu kemm kellu laqgħa mal-istudenti fil-Junior College, qal li mill-istudenti nnota kif l-edukazzjoni post-sekondarja u lil hinn minnha tagħti sodisfazzjon u l-Gvern kommess li jkompli jinċentiva dik l-esperjenza.
Saħaq kif il-Gvern irid jibqa’ spalla għall-familji fl-ewwel parti tal-kors tal-vjaġġ edukattiv post-sekondarju f’dik li Abela fisser bħala għotja estiża taċ-children’s allowance.
Il-miżura mħabbra u li se tibda taħdem għall-ewwel darba. Ġimgħatejn qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u Ewropej, se jgawdu minnha dawk l-istudenti li jattendu f’korsijiet full-time jew ikkunsidrati full-time u ma hemmx testijiet tal-mezzi għaliha.
Skont il-Budget 2024 kellhom jibbenefikaw dawk bi tfal bejn 16 u 19-il sena li jkunu jistudjaw u jieħdu ħlas sa €500 kull sena sa massimu ta’ tliet snin iżda l-miżura twessgħet u ġew ikkunsidrati sitwazzjonijiet ta’ studenti li jew ikunu irrepetew sena sekondarja, jew ikunu ħadu ‘gap year’.
Fil-fatt il-kriterji twessgħu sabiex kull min meta tkun bdiet is-sena skolastika u ma jkunx għalaq 20 sena, jibbenefika ukoll.
Intant fit-tħabbira ta’ din il-miżura tkellmu wkoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Il-Ministru Falzon qal li t-tħabbira hija ħolqa oħra minn katina ta’ miżuri soċjali li jkomplu jkunu ta’ sostenn għall-familji tagħna.
“Nemmnu li rridu nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja. Dan nagħmluh, għax qrib in-nies, u nifhmu sew il-ħtiġijiet tagħhom. Kien għalhekk li sawwarna pakkett ta’ miżuri verament dehen ta’ Gvern b’ruħ soċjali u li se jitnaqqax fl-istorja soċjali tal-pajjiż”, qal il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Grima tkellem dwar l-għajnuna li qed jingħataw l-istudenti u l-familji tagħhom fi żmien delikat meta jkunu qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom, li hija l-pedament għall-futur mhux biss tagħhom, imma tal-pajjiż.
“Dan il-Gvern minn dejjem emmen u nvesta fir-riżors uman, l-aqwa riżors li għandu l-pajjiż. Huwa għalhekk li dan l-investiment naraw li jibda minn kmieni, waqt il-perkors tal-istudent fl-edukazzjoni fuq il-bankijiet tal-Istituzzjonijiet Edukattivi ta’ pajjiżna. Matul dawn l-aħħar snin, mhux biss daħħalna miżuri, żidna l-istipendji, qed nagħtu opportunitajiet ta’ scholarships u grants, saħħaħna Skema 9, imma wkoll implimentajna inċentivi biex nagħtu sostenn lill-istudent, u l-familja tiegħu, fosthom ir-riforma fl-Istipendji Preskritti u ta’ Prijorità Għolja fl-Università ta’ Malta u l-MCAST”, spjega l-Ministru Grima.